Sunday, November 24, 2024

PASS GĦAQLI BIEX L-EWROPA SSIR INDIPENDENTI MILL-FJUWILS RUSSI

Aqra wkoll

Matul il-ġimgħa li għaddiet ma seħħew ebda żviluppi pożittivi b’rabta mal-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Dan minkejja taħdidiet li kien hemm bejn iż-żewġ naħat. L-aħħar jiem reġgħu kienu karatterizzati minn attakki qawwija fuq żoni residenzjali. F’ġimagħtejn biss hu stmat li xejn inqas minn żewġ miljun refuġjat Ukren, telqu mill-pajjiż u marru f’pajjiżi ġirien. 

Din hi gwerra li qed taffettwa ħafna b’mod ekonomiku. Immedjatament kif bdiet l-invażjoni rajna żidiet sostanzjali fil-prezz tal-qamħ, fil-prezz taż-żejt u l-gass fost oħrajn. Inkwetanti hu l-fatt li diversi analisti qegħdin ibassru u dan diġa qed jinħass f’xi pajjiżi, tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi Ewropej. Dan qed iseħħ minħabba il-pressjoni tal-inflazzjoni li qed iġġib din il-gwerra.  M’hemm ebda dubju li l-konsegwenzi ta’ dan il-kunflitt imorru lil hinn mill-fruntieri Ewropej.

Il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, mhuwiex wieħed biss militari. Dan il-kunflitt qed jiżviluppa b’mod li qed joħloq pressjonijiet kbar fuq l-ekonomiji b’impatt enormi.

Smajna proprju fl-aħħar jiem iċ-ċifra xokkanti li ta l-Ministru tal-Finanzi, Clyde Caruana, fejn spjega li sa issa din il-gwerra diġà swiet lil pajjiżna xejn inqas minn €200 miljun. Dan hu impatt ferm u ferm akbar mill-impatt li ħalliet il-Covid19, meta tqis li dan hu impatt li jkopri biss ftit jiem.  M’għandna ebda dubju li aktar ma ddum din il-gwerra aktar se tikber il-kriżi. Aktar se naraw u nesperjenzaw żidiet fil-prezzijiet kemm tal-ikel kif ukoll ta’ prodotti essenzjali.

Irid jingħad li minn Jannar sa llum, il-prezz tal-fjuwil li jużaw il-vapuri irdoppja u laħaq prezzijiet li kienu ilhom ma jidhru kważi ħmistax-il sena. F’xahar, il-prezz tad-dijżil fil-pompi madwar l-Ewropa żdied b’10 fil-mija. 

Din il-gwerra u s-sanzjonijiet marbutin magħha se jaffettwaw il-provvisti ta’ diversi metalli fosthom l-aluminju u dan peress li r-Russja waħidha tipproduċi 14 fil-mija tal-aluminju dinji. L-elettronika mistennija tiġi impattata u dan għax ir-Russja tissuplixxi 40% tal-palladium li huwa wieħed mir-riżorsi fil-produzzjoni ta’ semi conductors. Iċ-ċipep tal-kompjuters jirrikjedu in-neon, li 70% mid-domanda dinjija tiġi mill-Ukrajna. 

Naqblu perfettament li l-gvern għandu jibqa’ jwieżen u jgħin lill-familji u negozji biex itaffu minn dan l-impatt. Kienet pożittiva id-dikjarazzjoni li saret li mhux se jkun hemm taxxi ġodda minħabba l-impatt qawwi ta’ dan il-kunflitt. 

Din il-gwerra uriet kemm kienet żbaljata id-deċiżjoni Ewropea li tintrabat wisq mar-Russja għall-provvisti ta’ gass. Kien pass tajjeb dak li l-Kummissjoni Ewropea pproponiet deskrizzjoni ġenerali ta’ pjan biex l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils  Russi ferm qabel l-2030.

Dan il-pjan jiddeskrivi wkoll sensiela ta’ miżuri biex iwieġbu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa u għar-riforniment tal-istokkijiet tal-gass għax-xitwa d-dieħla. L-Ewropa ilha tħabbat wiċċha ma’ żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għal diversi xhur, iżda issa l-inċertezza dwar il-provvista qed taggrava l-problema. L-azzjoni REPowerEU se tfittex li tiddiversifika l-provvisti tal-gass, tħaffef l-introduzzjoni ta’ gassijiet rinnovabbli u tissostitwixxi l-gass fit-tisħin u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Dan jista’ jnaqqas id-domanda tal-UE għall-gass Russu b’żewġ terzi qabel tmiem is-sena.

It-tama tagħna hi li din l-invażjoni Russa tintemm illum qabel għada. Il-katastrofi li ħalliet din l-invażjoni fl-Ukrajna, b’ammont kbir ta’ imwiet fuq iż-żewġ naħiet, tqajjem mistoqsija waħda….meta l-bniedem se jitgħallem li l-gwerrer ma joffru ebda soluzzjoni.

Sport