Saturday, December 14, 2024

Pass ieħor fir-riforma dwar stazzjonar ta’ caravans

Aqra wkoll

Se jkunu qed jiġu ppubblikati regolamenti dwar stazzjonar temporanju ta’ caravans u campers bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn it-tgawdija ta’ din l-attività u l-interess pubbliku. Dawn ir-regolamenti se jidħlu fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Lulju li ġej u se jkunu qed jiġu maħruġa skont ma jipprovdi l-Att dwar il-Gvern Lokali.

Dan il-pass qed jittieħed wara konsultazzjoni u qbil ma’ diversi Kunsilli Lokali li huma l-ikar milquta mis-sitwazzjonijiet marbuta ma’ stazzjonar ta’ caravans u campers fil-lokalità tagħhom. Saru wkoll konsultazzjonijiet ma’ diversi persuni li jagħmlu użu mill-caravans u l-campers.

Irid jingħad li r-regolamenti dwar stazzjonar temporanju ta’ caravans u campers, fiż-żmien li ġej, se jiġu segwiti bil-ħruġ ta’ bye-laws minn numru ta’ Kunsilli Lokali sabiex ikun hemm siti speċifiċi għall-kampeġġ (designated sites).

L-effett tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti se jkun qed jiġi analizzat kontinwament sabiex ikun aċċertat kemm jista’ jkun li l-għan mixtieq jintlaħaq.
Ir-Regolamenti se jkunu qed japplikaw għax-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru ta’ kull sena u għall-finijiet tagħhom id-definizzjoni ta’ caravan tinkludi wkoll il-campers u tkopri għalhekk il-vetturi, kemm jekk bil-qawwa mekkanika tagħha u kemm jekk le, maħsuba biex iġorru persuni u li jkunu mgħammra b’sodod u/jew armat b’mod li fih jista’ jissajjar ikel.

Mill-1 ta’ Lulju li ġej, sabiex persuna tistazzjona caravan f’xi post trid l-ewwel tapplika għall-ħruġ ta’ permess mal-Kunsill Lokali rispettiv bil-ħlas ta’ €5 għal kull ġurnata. Id-deċiżjoni finali tibqa’ dejjem tal-Kunsilli Lokali.

L-applikazzjoni se tkun qed issir b’mod elettroniku, bl-istess mod li jsiru l-bqija tal-applikazzjoni tal-permessi diversi li jsiru mal-Kunsilli Lokali. Dan billi wieħed jidħol fuq is-sit https://localpermits.gov.mt/.

Matul iż-żmien li caravan jew camper ikun stazzjonat f’dan il-post, il-permess li jawtorizza dak l-istazzjonar irid ikun muri b’mod prominenti.
Ir-Regolamenti jipprovdu li m’għandu jkun hemm ebda bżonn ta’ ebda permess u ebda ħlas biex wieħed jipparkja l-vettura f’post raġjonevolment viċin id-dar residenzjali tiegħu sakemm it-tqegħid tal-vettura ma tkunx qed tiġi wżata għal skop ta’ kampeġġ u sakemm dan hu dejjem permess bil-liġijiet ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-istess Regolamenti.

Minbarra dan fiż-żmien li ġej, f’numru ta’ lokalitajiet se jiġu stabbiliti formalment designated sites, fejn fihom jistgħu jitqiegħdu caravans jew campers bi ħlas ta’ €10 għal kull jum ta’ parkeġġ sa massimu ta’ sebat ijiem fejn wieħed ikun jista’ jgawdi wkoll minn servizzi fosthom dawk sanitarji.

Irid jingħad li saru taħditiet dettaljati mal-Kunsilli Lokali involuti, fejn diġà ntlaħaq qbil ġenerali fejn se jiġu allokati dawn is-siti. L-ewwel żewġ siti indikati huma żona fil-Mellieħa u oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Dawn se jkunu qed jiġu regolati permezz ta’ bye laws apposta maħruġa mill-Kunsill Lokali rispettivi u diġà ġew skattati proċessi biex l-istess Kunsilli Lokali jkunu jistgħu japplikaw għall-ħruġ tal-permessi relattivi fejn applikabbli.

Ir-regolamenti jipprovdu wkoll għal kontravvenzjonijiet ġodda għal min ma jimxix ma’ dak provdut fid-dispożizzjonijiet relattivi.

Ekonomija

Sport