F’Mejju li għadda kien ġie approvat formalment il-permess PA 1721/23, għall-parti tal-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport li tirrigwarda it-trakka tal-kwart ta’ mil. Il-bieraħ l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet l-iscreening letter bil-għan li jiġi ffinalizzat il-proċess ta’ PA02929/24. Din l-applikazzjoni tinkorpora fiha l-intier tal-proġett inkluż it-trakka nnifisha, il-kwart ta’ mil u l-Karting Track fost il-faċilitajiet kollha li jagħmlu parti mill-proġett taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport.
Il-proġett tal-Kumpless tal-Motorsport f’Ħal Far se jkun qed jassigura li jsaħħaħ id-Drag Racing u l-Karting Track li diġà huma eżistenti, filwaqt li jinbena ċirkwit biswit dawn il-faċilitajiet. Dan ix-xogħol qed jikkumplimenta xogħol ieħor li qed jiffoka fuq it-trakka tad-Drag Racing b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha.
L-ewwel fażi tat-trakka tal-Motorsport se tara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-Drag Racing, li se jwassal biex din il-faċilità issa tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika (FIA) u b’hekk tidħol b’mod uffiċjali fil-kalendarju tal-FIA. Għalhekk, b’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-Drag Racing.