Il-proġett tal-Imsida Creek laħaq pass ieħor importanti, hekk kif ittellgħet l-ewwel struttura tal-azzar, l-ewwel minn sitta, li se jiffurmaw il-flyover il-ġdida. “Din hija operazzjoni kumplessa li tinvolvi ppjanar metikoluż u koordinazzjoni,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul.
Huwa spjega kif struttura oħra tal-azzar diġà tinstab fuq il-post u se titpoġġa f’postha fil-ġimgħat li ġejjin. Partijiet oħra qed jiġu manifatturati fil-faċilità ta’ Infrastructure Malta f’Ħal Far u se jiġu trasportati u installati b’mod gradwali hekk kif il-proġett ikompli javvanza.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, fisser dan l-iżvilupp bħala pass ieħor importanti f’dan il-proġett.
“Dan huwa proġett importanti għax se joffri konnettività aħjar fiż-żona kif ukoll joħloq spazju miftuħ maġġuri għall-komunità lokali,” qal il-Ministru Bonett. Dan il-proġett jerġa’ jikkonferma l-impenn ta’ Infrastructure Malta lejn l-innovazzjoni u l-iżvilupp infrastrutturali fittul, permezz ta’ soluzzjonijiet moderni ta’ inġinerija biex jilqa’ għad-domandi dejjem jikbru tan-netwerk tat-toroq tal-pajjiż.