Waqt konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said nediet espressjoni ta’ interess għall-ħatra ta’ rappreżentanti tas-sajjieda fuq il-Bord tas-Sajd, b’mira li jkun hemm aktar rappreżentanza diretta tal-komunità tas-sajjieda fid-deċiżjonijiet li jolqtu dan is-settur importanti għall-pajjiżna. Dan seħħ permezz ta’ liġi ġdida li għaddiet fil-Parlament bl-għan li tingħata aktar vuċi lis-sajjieda.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat li l-iskop ewlieni tal-bord se jkun li kull politika, skema jew liġi relatata mas-settur tas-sajd tkun suġġetta għall-konsultazzjoni diretta mas-sajjieda, qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni finali.
Bidla sinifikanti fil-ħatra tal-bord il-ġdid hi li l-President tal-Bord mhux se jkun uffiċjal pubbliku, iżda membru magħżul mill-komunità tas-sajd stess. “Dan il-bord se jagħti spazju lis-sajjieda biex jagħtu l-opinjoni tagħhom. Huwa kruċjali wkoll li nisimgħu xi sfidi jiffaċċjaw ta’ kuljum is-sajjieda tagħna,” saħqet Bugeja Said.
Is-Segretarju Parlamentari kompliet tispjega, “Il-kompożizzjoni tal-bord se tirrifletti r-realtà tas-sajd f’Malta fejn għandna sajjieda minn diversi portijiet, b’modi ta’ sajd differenti, minn dawk tradizzjonali għal dawk aktar kummerċjali. Se nkunu qed ninsistu fuq rappreżentanza ta’ sajjieda żgħażagħ u nisa, għax is-settur għandu bżonn ġenerazzjoni ġdida u aktar inklużiva.”
Min-naħa tiegħu d-Direttur għas-Sajd u l-Akwakultura, Gilbert Balzan qal, “Bħala Dipartiment nemmnu bis-sħiħ li sabiex ikollna settur iktar robust, reżiljenti u innovattiv, għandna naħdmu id f’id flimkien mal-istakeholders ewlenin. Huwa minħabba f’hekk li aħna nixtiequ nġeddu l-irwol tal-Bord tas-Sajd u nassiguraw li dan ikun iktar attiv; għax nemmnu li dan il-Bord għandu funzjoni importanti u jkun determinanti f’ċertu deċiżjonijiet li jittieħdu.”
Is-sajjieda interessati huma mistiedna jiksbu iktar informazzjoni dwar din l-Espressjoni ta’ Interess mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti MAFA, jew permezz ta’ email fuq [email protected], jew bit-telefown fuq 22924926 jew mil-landing offices ta’ San Pawl, Marsaxlokk u Għawdex. Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 27 ta’ Ġunju 2025.