Friday, November 15, 2024

PASS IMPORTANTI GĦAR-REGOLAMENTAZZJONI TAL-E-SCOOTERS

Aqra wkoll

F’pajjiżna reġgħet qamet id-diskussjoni dwar is-sewqan bl-użu tal-e-scooters. Dan juri illi dak ilna ngħidu aħna, dwar il-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni serja u effettiva kemm għas-sigurtà tas-sewwieqa u kif ukoll għal dawk li jkunu mexjin fit-triq, qanqal kuxjenza biex isir xi ħaġa f’dan ir-rigward. Għax ikun inutli li ngħidu li dawn l-e-scooters huma ta’ benefiċċju għall-ambjent meta mbagħad jeżisti s-sogru ta’ korrimenti u saħansitra mwiet. 

Dwar l-iscooters ma tkellimniex aħna biss, anke jekk konna minn tal-ewwel, iżda anke partiti politiċi ewlenin u għaqdiet oħra li esprimew it-tħassib tagħhom li dan il-mezz ta’ trasport, għalkemm il-kunċett warajh huwa tajjeb, jista’ jkun ta’ inkovenjent għal nies oħra.

Hawn qed nirreferu fost oħrajn għall-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida ta’ Malta li fl-aħħar jiem irrimarkat li l-introduzzjoni tal-iscooters f’Malta tista’ titqies bħala żvilupp pożittiv sakemm ir-regoli applikabbli għall-użu tagħhom ikunu mtejba u infurzati kif suppost. 

Qed jiżdiedu sew l-ilmenti ta’ persuni neqsin mid-dawl illi qed jgħidu li s-sewqan perikoluż u anke l-abbandun bi traskuraġni ta’ dawn l-iscooters qed jikkawża inaċċessibilità u jirrappreżentalhom periklu waqt li jkunu mexjin waħedhom bl-appoġġ ta’ bastun abjad jew kelb gwida. 

Proposta ta’ min jixtarrha sew hi dik li dawn l-iscooters jibdew jagħmlu ħoss meta jkunu qed jintużaw. Dan sabiex javżaw bil-preżenza tagħhom lil min ma jarax. Dan filwaqt li jibqa’ essenzjali li l-iscooters ma jitħallewx fejn ġie ġie f’żoni pedonali li jimblokkaw it-triq.

Nemmnu li lmenti ta’ dan it-tip m’għandhomx jaqgħu fuq widnejn torox. Għalhekk ninnutaw b’sodisfazzjon li l-Gvern se jressaq emendi fil-liġi dwar l-infurzar tal-e-scooters u għaldaqstant se tibda diskussjoni b’rabta ma’ żoni adattati għall-parkeġġ. 

Dan jista’ jwassal ukoll biex l-iscooters ma jintelqux aktar kif ġie ġie għax barra li huma ta’ periklu partikolarment għal nies neqsin mid-dawl, huma wkoll dehra ta’ telqa u traskuraġni li f’Malta, pajjiż turistiku, dan m’għandux ikun. Huwa tajjeb ukoll isir magħruf x’inhu l-kontribut ekonomiku, jekk qed iħallu, l-użu ta’ dawn l-iscooters f’dan il-pajjiż. 

Ekonomija

Sport