Monday, December 23, 2024

Pass kbir minn Gzira United għas-salvazzjoni

Aqra wkoll

Gzira United ….2

Mosta …….…….1

Gzira United ikkonvinċew bis-sħiħ meta għelbu l-isfida ta’ Mosta bl-iskor ta’ 2-1 biex għamlu pass kbir lejn is-salvazzjoni. Min-naħa l-oħra, b’din it-telfa issa Mosta daħlu f’periklu kbir hekk kif jinsabu maqbudin fiż-żona l-ħamra.

Kienu l-Maroons li ħolqu l-ewwel periklu fid-disa’ mi­nuta meta xutt mid-distanza ta’ Brooklyn Borg għadda barra.

Mosta wieġbu fl-24 minuta meta Henry Chidera Nwoga seraq ballun fi tliet kwarti ta’ ground, avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda sab lill-goalkeeper, Darijan Zarkov, attent li ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta, ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta Armen Hovhanissyan kellu xutt fil-baxx salvat tajjeb minn Zarkov minn mal-art.

Izda kienu Gzira li fetħu l-iskor żewġ minuti biss wara permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza ta’ JACKSON MENDOZA li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Mosta, Dylan Ciappara, isalva. 

Madankollu, Mosta, ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-57 minuta għamlu l-iskor indass permezz ta’ free-kick mill-isbaħ ta’ LINUS PRECIOUS TENEBE.

Iżda fis-77 minuta kellhom ikunu Gzira li sabu x-xibka liema goal, kellu jkun dak tar-rebħa meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner ta’ Thiago Espindola, is-sostitut Brażiljan GABRIEL BOH­RER MENTZ, li kien ilu biss żewġ minuti fil-ground, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.

Mosta rrispondew fit-88 minuta meta minn azzjoni ta’ free-kick mix-xellug ta’ Kevin Tulimieri, Damien Aneni, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata taj­jeb minn Ciappara.

Wara din l-azzjoni, fil-veritá kienet ferm diffiċli għall-Mostin biex setgħu jsalvaw il-logħba minħabba li ma tantx kien fadal wisq ħin,  tant, li l-Gżirjani komplew jamministraw il-vantaġġ min­għajr wisq tbatija sas-suffara finali.

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 2-Carlos Filho Conceicao, 4-Andrew Borg, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias, 16-Luis Carlos Riascos (3-Gabriel Bohrer Mentz 76), 19-Kyle Cameron Walter Spence (21-Zachary Cassar 90), 20-Farid Romero Zuniga, 47-Brooklyn Borg, 93-Thiago Espindola, 98-Jackson Mendoza – Coach: Andrew Cohen

MOSTA: 1-Dylan Ciappara, 4-Gustavo Adolfo Valois, 9-Henry Chidera Nwgoa, 10-Linus Precious Tenebe (5-Sacha Cachia 75), 16-Gianluca Sciberras, 18-Armen Hovhannisyan (8-Damian Evans Aneni 66), 19-Ben Aziz Dao (11-Christian Ndubisi Nnaji 59), 20-Willie Britto, 21-Nathan Agius (77-Zachary Brincat 66), 22-Jamie Scerri (92-Kevin Tulimieri 59), 74-Jake Vassallo – Coach: Joseph Grech

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Paul Apap

RABA’ UFF: Ezekiel Barbara

SKORERS: K. Mendoza 52, G. Bohrer Mentz 78 (G), L. Precious Tenebe 58 (M) 

AMMONITI: L. C. Riascos, T. Espindola (GU), G. Sciberras (M)

Ekonomija

Sport