“B’dawn l-emendi se niffaċilitaw l-użu ta’ sistemi elettroniċi ta’ ġestjoni tal-ħelsien mill-arrest, ibbażati fuq marki tas-swaba’, mhux biss se ntejbu l-effiċjenza tal-proċessi ġudizzjarji tagħna iżda wkoll niżguraw li nżommu l-prinċipji tal-ġustizzja u d-drittijiet tal-individwu. Dan il-pass nemmen li joħloq bilanċ bejn is-salvagwardja tad-drittijiet tal-akkużat u l-iżgurar tas-sigurtà pubblika.” Iddikjara dan il-Ministru tal-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta fil-Parlament kien qed jiġi diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali.
Il-Ministru Attard beda billi ddeskriva dan l-abbozz bħala pass sinifikanti lejn l-immodernizzar tal-qafas legali fejn jidħol il-Bail. Huwa qal li biex wieħed jifhem dan l-abbozz irid jifhem ukoll x’inhi s-sistema tal-bail, jiġiferi tal-garanziji li l-akkużat ikun obbligat li jaghti biex jiżgura illi huwa se jidher quddiem il-qorti u se jsegwi l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu waqt il-pendenza tal-kawża.
Il-Ministru Attard fakkar kif meta persuna titressaq il-qorti u l-kawża ma tinqatax mill-ewwel, bħalma ġeneralment jiġri fil-każ ta’ akkużi serji, irid ikun hemm xi sistema li tassikura illi l-akkużat se jidher meta l-kawża terġa’ tissejjaħ u se jġib ruħu sew fis-soċjetà waqt li l-kawża tkun pendenti.
Qal li strettament kieku ma kienx hemm l-istitut tal-bail kull min jitressaq taħt arrest u l-kawża tiegħu ma tinqatax mal-ewwel seduta jkollu jinżamm taħt arrest preventiv iżda dan ma jistax isir fil-każijiet kollha għal diversi raġunijiet kemm umanitarji u ta’ drittijiet fundamentali kif ukoll loġistiċi.
Il-Ministru żied jinnota li l-kundizzjonijiet imposti jkunu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ‘standard’ u jinkludu depożitu ta’ flus jew garanzija personali, jew it-tnejn, obbligu li wieħed jidhol id-dar sa ċertu ħin, li ma jmurx f’ċerti postijiet, li ma javviċinax lix-xhieda, li jidher il-qorti u li jiffirma l-għassa perjodikament.
“Din tal-aħħar illi jiffirma l-għassa hija l-aktar kondizzjoni komuni u l-immaniġġjar tagħha jinvolvi kontroll dwar jekk dawn il-ħafna persuni li għandhom l-obbligu li jiffirmaw f’għases ewlenin ma’ Malta u Għawdex kollu, ikunu verament qed jiffirmaw u jkunu qegħdin fil-fatt jiffirmaw huma u mhux ħaddiehor għalihom u jkunu qed jirrapportaw l-għassa biex jiffirmaw bil-frekwenza li suppost jagħmlu hekk.
“Issa l-immanniġġjar ta’ din is-sistema jieħu certi riżorsi u bħal kollox fid-dinja tal-lum dak l-immanniġġjar jibbenefika jekk tintuża l-għodda diġitali li hija l-karatteristika ta’ żmienijietna u ssibha f’kollox u kullimkien.
“Naturalment l-użu tal-għodda diġitali trid tigi flimkien mas-salvagwardji għall-privatezza li tiġi mill-osservanza tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data. Dawn dejjem imorru flimkien,” tenna l-Ministru.
Hawn semma kif dan l-abbozz ma jidholx fid-dettall kollu tat-tħaddim tas-sistema u dan ukoll għax din mhijiex fil-fatt intiża li tkun sistema ta’ monitoraġġ kontinwu fuq l-individwu iżda sistema li l-aktar li tkun konċentrata hija fuq is-sostituzzjoni tas-sistema manwali preżenti tal-iffirmar b’sistema elettronika li amministrattivament tkun aktar effiċjenti. “Ovvjament ir-regolamenti ikunu iridu jinkludu ukoll aspetti ta’ protezzjoni ta’ data personali anke għal dan l-iskop.”
Il-Ministru Attard temm iħeġġeġ biex jiġi kkunsidrat l-merti ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi sabiex bħala Parlament iħaddnu l-opportunità li jkomplu jtejbu l-proċessi ġudizzjarji tagħna filwaqt li jiżguraw li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-individwi kollha involuti fis-sistema legali.