Minn Cristian Muscat
Birżebbuġa ASC għadhom kemm ħabbru b’mod uffiċjali li akkwistaw lil Jovan Popovic bħala l-kowċ il-ġdid tat-tim. Il-kowċ mill-Montenegro huwa figura magħrufa fid-dinja tal-waterpolo, u mhux barrani għall-ambjent Malti, billi kien diġà ħadem f’Malta b’suċċess kbir matul snin preċedenti.
“Aħna ferħanin ħafna li nilqgħu lill-Kowċ Popovic lura Malta u fil-familja ta’ Birżebbuġa ASC,” kien jgħid avviż fuq il-Facebook tal-klabb. Il-passjoni, l-esperjenza u r-rekord tiegħu se jkunu riżorsa importanti ħafna għat-tim tagħna,” qal il-klabb fi stqarrija uffiċjali.
Popovic, li fl-aħħar snin kien kowċ tat-tim nazzjonali tal-Moldova, diġà ilu jħarreġ ma’ Birżebbuġa għal madwar ġimagħtejn u jidher li diġà daħal fl-ispirtu tat-tim u tal-komunità. “Jien kuntent ħafna hawn,” jgħid hu bi tbissima f’intervista li ħalla lil dan il-ġurnal. “Il-faċilitajiet huma tajbin, il-pixxina ta’ Birżebbuġa tkun sħuna anke fix-xitwa, u dan jagħtina ċans inżommu livell tajjeb ta’ taħriġ. Pass pass irridu nibnu t-tim u nkomplu ntejbu l-livell tagħna.”
Popovic mhux kowċ ordinarju. Il-karriera tiegħu tgħid kollox speċjalment fl-esperjenza li għandu ma’ klabbs kbar, prestazzjonijiet ta’ livell għoli u suċċessi kbar ma’ Neptunes WPSC, fejn qatta’ ħames snin mimlija titli u mumenti li ma jintesewx.
“Kienet esperjenza inkredibbli, ħames snin mimlijin emozzjonijiet u suċċessi. Irbaħna seba’ trofej, inkluż il-kampjonat. Kellna wkoll sena fejn tlifna kampjonat minħabba l-pandemija tal-COVID-19 – l-iskwadra kollha kellha tidħol fi kwarantina għal ħmistax-il jum. Kien żmien diffiċli imma tgħallimna ħafna. Dak hu l-isport fejn kultant tirbaħ, kultant titlef, imma dejjem titgħallem.”
Wara esperjenza twila fil-Kampjonat Malti, Popovic għażel sfida differenti meta ngħata ċ-ċans li jmexxi t-tim nazzjonali tal-Moldova. “Li tmexxi tim nazzjonali huwa kompletament differenti minn klabb,” jispjega. “Fil-klabb tħejji għal ħafna logħbiet konsekuttivi, b’rutina kontinwa. Imma fit-tim nazzjonali, il-ħidma tkun perjodika għandek perjodi qosra ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet, allura kull minuta tgħodd. Il-federazzjoni tal-Moldova għadha qed tinbena, iżda hemm potenzjal kbir.”
Popovic jgħid li, minkejja l-limitazzjonijiet, il-Moldova kisbet riżultati pożittivi ħafna, inkluż parteċipazzjoni fil-Kampjonat Ewropew. “Fil-Kampjonat Ewropew tlifna 9-8 kontra l-Belġju fil-kwarti tal-finali. Kienet logħba intensa ħafna u setgħet faċilment spiċċat favur tagħna. Jien kburi bit-tim u bil-plejers li ħdimt magħhom. Hemm żgħażagħ b’talent kbir u futur sabiħ. Issa bdew jibnu pixxina moderna f’Chisinau, il-kapitali, u issa għandhom bżonn jibdew jistabbilixxu aktar klabbs biex il-waterpolo jkompli jikber fil-pajjiż.”
Issa, Popovic jinsab iffukat fuq il-proġett il-ġdid tiegħu iġifieri Birżebbuġa ASC. Il-klabb, li se jikkompeti fl-Ewwel Diviżjoni dan l-istaġun, għandu ambizzjonijiet ċari: jitgħallem, jikber u jagħmel pass ‘il quddiem lejn il-kampjonat Premier għalkemm huma se jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni.
“Għandi tim żgħir ħafna fl-eta’, imma b’potenzjal kbir,” jgħid Popovic b’ton pożittiv. “Għandi xi plejers b’esperjenza bħal Mark Aquilina, Bugelli u Jake Cassar li huma l-pedament tat-tim. Imma l-maġġoranza l-oħra huma taħt il-20 sena, allura rrid naħdem ħafna fuqhom, inħarrġhom, u nħeġġiġhom juru x’jafu jagħmlu. Din hija opportunità biex juru lil kulħadd li għandhom futur f’dan l-isport.”
Il-kowċ jemmen li Birżebbuġa għandha l-potenzjal biex issir forza serja fil-futur qarib. “L-objettiv tagħna huwa li nżommu ż-żgħażagħ, inżidu ftit plejers b’esperjenza, u pass pass naslu fil-Premier League. Mhux faċli, imma bil-paċenzja u xogħol iebes kollox jista’ jsir.”
Meta tkellimna dwar il-waterpolo lokali, Popovic wera rispett kbir lejn ix-xogħol li qed isir minn diversi klabbs u mill-Assoċjazzjoni. “Il-livell tal-waterpolo f’Malta żdied ħafna.
Kull sena tara aktar kompetittività, aktar struttura u aktar interess,” jgħid hu. “Il-kowċ tal-iskwadra nazzjonali, Karl Izzo, flimkien mal-president, għamlu progress sinjifikanti. Iżda hemm ħaġa li dejjem ngħid: żgħażagħ għandhom jibqgħu fil-klabb tagħhom sa mill-inqas 18-il sena biex jiġu mrawwma tajjeb. Ħafna drabi jintilfu meta jmorru barra qabel iż-żmien. Għandhom bżonn ikunu maturi u jifhmu x’ifisser professjonaliżmu.”
Fl-aħħar tal-intervista, Popovic bagħat messaġġ ċar lill-plejers żgħażagħ ta’ Birżebbuġa u lil dawk madwar Malta. “Dak li qed nara issa f’Birżebbuġa hu organizzazzjoni tajba ħafna. Il-faċilitajiet huma eċċellenti u l-klabb għandu viżjoni. Għandi tliet plejers barranin tajbin ħafna u diversi żgħażagħ lokali b’talent li jispikka,” jgħid hu.
“Il-messaġġ tiegħi hu sempliċi, aħdmu iebes, emmnu fikom infuskom, u r-riżultati se jiġu. Jekk turi impenn u dedikazzjoni, tista’ saħansitra tkun magħżul mit-tim nazzjonali. L-età ta’ 18-il sena hija tajba biex plejer jikkunsidra jmur jilgħab barra minn Malta, imma l-ewwel għandu jibni karattru u livell tekniku tajjeb hawn. Birżebbuġa jista’ jkun post perfett biex dawn iż-żgħażagħ jikbru u jikkontribwixxu għal futur ta’ suċċess fil-waterpolo Malti.”
Jovan Popovic jidher lest għal kapitlu ġdid f’Malta wieħed ibbażat fuq il-bini, l-edukazzjoni sportiva u l-passjoni. Wara karriera internazzjonali, li fiha rebaħ titli, mexxa timijiet nazzjonali u għadda minn sfidi personali, issa qed jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ plejers Maltin.
“Pass pass, nistgħu nibnu tim b’saħħtu, kompetittiv u rispettat. Dan mhux biss dwar il-logħob, imma dwar il-valuri li ngħaddu lill-plejers żgħażagħ iġifieri dixxiplina, ħidma f’tim, u mħabba lejn l-isport,” temm jgħid b’tbissima l-kowċ il-ġdid ta’ Birżebbuġa ASC.

