“Għadna kemm ħabbarna l-iskeda ġdida tal-KM Malta Airlines għas-sajf 2026. Din tirrappreżenta pass sinifikanti ’l quddiem fit-tisħiħ tal-konnettività bl-ajru ta’ Malta u hija skeda ikbar milli kellna fis-sajf ta’ qabel li tiffoka prinċipalment fuq l-ibliet kapitali. Dik hija l-istrateġija tal-linja tal-ajru – li aħna ntiru lejn bliet u ajruporti prinċipali fl-Ewropa biex minn hemm il-passiġġieri tagħna jistgħu jew jibqgħu f’dak il-pajjiż jew inkella jikkonnetjaw ma’ linji tal-ajru oħra li aħna għandna ftehim magħhom u jmorru postijiet oħra mhux biss fl-Ewropa imma fid-dinja”.
Qal dan lil L-ORIZZONT iċ-Chairman Eżekuttiv tal-KM Malta Airlines, David Curmi, fit-tnedija tal-iskeda tas-sajf 2026 tal-linja nazzjonali tagħna. L-iskeda li tkopri bejn id-29 ta’ Marzu u l-31 ta’ Ottubru 2026, se jkollha total ta’ 7,948 titjira, 19-il rotta u aktar minn 1.34 miljun siġġu disponibbli. B’medja ta’ 262 titjira fil-ġimgħa, din il-kumpanija kkonfermat li pajjiżna huwa ppreparat għal staġun turistiku rekord li jinkludi servizz ġdid lejn Tel Aviv.
KM Malta Airlines mhux biss qegħdin jespandu l-kapaċità tagħhom, imma qegħdin ukoll jinvestu b’mod strateġiku fis-swieq l-aktar importanti għat-turiżmu, għan-negozju u għall-komunitajiet Maltin barra. Bil-kombinazzjoni ta’ servizzi diretti u aċċess għal hubs ewlenin mal-Ewropa kollha qegħdin jipprovdu volum sostanzjali u importanti ta’ siġġijiet ta’ konnessjoni.
Curmi spjega kif, “din is-sena se nkunu qegħdin inżidu wkoll il-frekwenzi ta’ dawk ir-rotot li aħna nqisuhom bħala rotot prinċipali tagħna b’mod partikolari Londra, Munich u Amsterdam. Aħna dejjem nippruvaw inżidu l-frekwenza ta’ dawk ir-rotot biex il-prodott li noffru għall-passiġġier tagħna jitjieb. Jiġifieri, dak li jkun ikun jista’ jivvjaġġa t-Tnejn u jiġi t-Tlieta jew il-Ħamis. Iktar ma jkun hemm frekwenzi fuq dawk ir-rotot, aktar ikunu qegħdin intejbu l-prodott tagħna”.
Żied li, “barra minnhekk, minħabba li aħna ntiru lejn l-ajruporti prinċipali, bi ftehim ma’ linji tal-ajru oħra li huma akbar minna, inkunu nistgħu noffru l-possibbiltà li passiġġier jivvjaġġa lejn destinazzjonijiet oħra kemm lejn il-Lvant, kemm lejn il-Punent bl-istess biljett biex naċċertaw esperjenza mill-aqwa”.
Rotta ġdida: Tel Aviv “Fiduċjuż li se taħdem”
L-aktar żvilupp li qed jiġbed l-attenzjoni huwa s-servizz ġdid darbtejn fil-ġimgħa lejn Tel Aviv li jibda fis-27 ta’ Mejju 2026 u jopera nhar ta’ Erbgħa u Ħadd. Din ir-rotta ġdida tnediet bil-għan li tissaħħaħ l-konnettività tagħna mal-Ewropa kollha u lil hinn.
Rigward Tel Aviv, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-KM Malta Airlines elabora li storikament Malta kellha esperjenza tajba b’din ir-rotta. “Din hija rotta li l-linja tal-ajru ta’ qabel kienet topera u kienet dejjem b’saħħitha. Aħna ma bdejnihiex mill-bidu minħabba li meta bdejna, iċ-ċirkostanzi f’dik il-parti tad-dinja ma kienux tajbin. Tel Aviv hija belt kapitali importanti b’konnettività kbira minn hemm lejn partijiet oħra fid-dinja. Għamilna review u l-aċċess, minħabba li t-titjira mhiex bogħod ħafna, stajna ndaħluha fl-iskeda tat-titjiriet. Ovvjament, jekk l-affarijiet f’dik il-parti tad-dinja ma jibqgħux tali li wieħed jista’ jopera ruħu, aħna nirrevedu l-iskeda tagħna però, jien fiduċjuż li din ir-rotta se taħdem. Għandna konnessjonijiet tajbin mas-suq t’hemm, li huwa kbir,” kompla b’ton pożittiv Curmi.
Kull ajruplan: użu medju ta’ 12-il siegħa kuljum
Fid-dettalji mogħtija minn din il-kumpanija tal-ajru nazzjonali, il-programm tas-Sajf 2026 se jitħaddem bi tmien ajruplani b’użu medju ta’ 12-il siegħa kuljum għal kull ajruplan matul il-quċċata tal-istaġun. Din hija indikazzjoni ta’ effiċjenza operattiva mmirata li timmassimizza l-kapaċità mingħajr ma tnaqqas mil-livell tas-servizz offrut.
L-iskeda estiża tinkludi aktar titijiriet frekwenti lejn swieq ewlenin Ewropej fosthom servizz addizzjonali ta’ filgħodu nhar ta’ Tlieta lejn Brussels; titjira oħra kull nhar ta’ Ħamis wara nofsinhar lejn London Gatwick li jżid in-numru ta’ titjiriet lejn Londra għal 23 fil-ġimgħa; u r-ritorn tas-servizzi tas-sajf bejn Malta u Catania. Dawn joffru aktar flessibbiltà fir-reġjun tal-Mediterran ċentrali.
Barra minnhekk, swieq ċentrali bħal Londra, Munich, Pariġi u Ruma se jibbenefikaw minn żewġ titjiriet kuljum li jiffaċilitaw konnessjonijiet globali permezz ta’ sħubijiet ma’ linji tal-ajru oħra lejn l-Amerika ta’ Fuq, l-Afrika, l-Ażja u l-Lvant Nofsani.
Il-bażi operattiva tibqa’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li minnu din il-linja tal-ajru qiegħda tkompli tibni netwerk robust lejn l-aktar destinazzjonijiet imfittxija fl-Ewropa u fil-Mediterran.
Rwol strateġiku għal pajjiż gżira
Għal Malta, pajjiż gżira fil-qalba tal-Mediterran, il-konnettività bl-ajru hija kruċjali. Linja tal-ajru nazzjonali b’saħħitha tfisser rabtiet stabbli tul is-sena kollha ma’ ċentri ekonomiċi ewlenin, appoġġ għat-turiżmu inbound, mobilità għall-komunitajiet Maltin barra minn xtutna u tisħiħ tal-kummerċ u l-investiment.
Il-programm il-ġdid tal-KM Malta Airlines jirrifletti bilanċ bejn tkabbir kummerċjali u interess nazzjonali fit-tul. B’dan il-programm ambizzjuż KM Malta Airlines qiegħda tpoġġi lil pajjiżna f’pożizzjoni b’saħħitha biex tattira aktar turisti, tiffaċilita l-ivvjaġġar tan-negozju u ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-konnettività tagħha f’suq dejjem aktar kompetittiv.
L-istaġun tas-sajf ta’ din is-sena se jkun ieħor impenjattiv. Fil-fatt, David Curmi temm jgħidilna li, “minħabba d-domanda qawwija li għandna fuq ir-rotot prinċipali, jidher li dawn qegħdin jimtlew b’rata qawwija minkejjja li s-sajf għadu daqsxejn ‘il bogħod”.
Punti Ewlenin tas-Sajf 2026 (perjodu operattiv mid-29 ta’ Marzu sal-31 ta’ Ottubru 2026):
• Medja ta’ 262 titjira fil-ġimgħa, total ta’ 7,948 titjira;
• Aktar minn 1,340,000 siġġu;
• 19-il rotta madwar l-Ewropa u l-Mediterran;
• Servizz ġdid lejn Tel Aviv (mis-27 ta’ Mejju 2026, l-Erbgħa u l-Ħadd);
• Servizz addizzjonali nhar ta’ Tlieta filgħodu lejn Brussell;
• Servizz addizzjonali nhar ta’ Ħamis wara nofsinhar lejn London Gatwick (li jirriżulta fi 23 titjira fil-ġimgħa lejn Londra);
• Servizzi mġedda bejn Malta u Catania;
• Tmien ajruplani b’użu medju ta’ 12-il siegħa kuljum kull ajruplan.

