Friday, November 7, 2025

“Pass sinifikanti lejn mudell ta’ turiżmu aktar sostenibbli” 

L-MHRA tilqa’ r-riforma proposta fis-settur tal-akkomodazzjoni turistika

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) laqgħet ir-riforma proposta dwar l-akkomodazzjoni turistika li tħabbret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg u ddeskrivietha bħala “pass sinifikanti lejn mudell ta’ turiżmu aktar sostenibbli u mmexxi mill-kwalità għal pajjiżna.”

Fi stqarrija, l-MHRA qalet li billi se titneħħa l-possibilità li lukandi jgħollu żewġ sulari aktar minn kemm stabbilit fil-pjanijiet lokali u anke li jiddaħħlu limiti ġodda għal numru ta’ kmamar u sodod f’kull investiment ta’ lukandi ġodda, il-Gvern qed jibgħat sinjal ċar ta’ bidla minn tkabbir ibbażat fuq il-volum għal strateġija tat-turiżmu ffokata fuq is-sostenibbiltà.

L-MHRA tappoġġja din id-deċiżjoni u tirrikonoxxi li għalkemm in-numru ta’ viżitaturi jibqa’ essenzjali għall-kompetittività ta’ Malta u l-għajxien tas-settur tal-ospitalità, dawn in-numri għandhom jiġu mmaniġġjati b’kawtela sabiex tkun protetta l-esperjenza tal-viżitatur, titnaqqas il-pressjoni fuq il-komunitajiet u tiġi sostnuta r-reputazzjoni ta’ Malta għall-kwalità.

L-Assoċjazzjoni tenniet li s-short term rentals huma parti integrali mit-taħlita t’akkomodazzjoni f’Malta u għalhekk dan irid jiġi regolat u ġestit bl-istess livell ta’ responsabbiltà, standards ta’ servizz u infurzar għall-akkomodazzjoni kollettiva bħal-lukandi u l-guesthouses.

Fid-dawl ta’ dan, l-MHRA laqgħet ukoll il-proġett pilota li qed isir mal-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u l-Belt Valletta u tqishom bħala opportunità importanti biex jitħaddem u jitjieb dan il-qafas ġdid qabel ma jkun estiż fuq livell nazzjonali.

L-MHRA temmet tgħid li r-riforma fl-akkomodazzjoni turistika tibni fuq pedament sod li jirrifletti ħafna mill-prinċipji elenkati fil-Carrying Capacity Study imwettaq minn Deloitte u kkummissjonat mill-MHRA. L-Assoċjazzjoni faħħret ukoll lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għall-ħidma eċċellenti tagħha fit-titjib tal-istandards tal-kwalità u s-sorveljanza regolatorja. 

“Din ir-riforma għandha tiġi meqjusa fil-kuntest usa’ ta’ inizjattivi oħra mfassla biex iżidu l-kwalità tal-viżitaturi, inkluż titjib fil-konnettività ma’ swieq ġodda bħal New York, il-limitu tan-numru ta’ viżitaturi f’Kemmuna u interventi oħra mmirati biex jissaħħu l-istandards fis-settur kollu.

“Jekk jiġu mmaniġġjati b’mod effettiv, dawn ir-riformi għandhom il-potenzjal li jwasslu għal settur turistiku ta’ kwalità ogħla, aktar bilanċjat u aktar kompetittiv li tibbenefika kemm l-ekonomija kif ukoll il-komunitajiet lokali,” temmet tgħid l-MHRA.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport