Il-Gvern qed ikompli bl-impenn tiegħu li jtejjeb l-effiċjenza fil-qasam tal-ġustizzja. Dan qed iwettqu b’diversi riformi bil-għan li jitħaffu l-proċessi fil-Qrati filwaqt li jsaħħu aktar lill-ġudikatura. Dan l-aħħar il-Parlament approva riforma oħra importanti fil-pjan tal-Gvern biex ikompli jmexxi ‘l quddiem sistema ta’ ġustizzja aktar moderna, sigura u bbażata fuq il-bilanċ bejn is-sigurtà tal-komunità u l-proċess ta’ rijabilitazzjoni. U hawn qed nirreferu għar-riforma tal-monitoraġġ elettroniku.
Nifhmu li din hija sistema innovattiva li ġġib magħha bidla importanti fl-oqsma tal-ġustizzja u anke s-servizzi korrettivi f’Malta, pass li huwa mistenni li jidħol b’mod gradwali fil-ġimgħat li ġejjin. Din hija riforma li se tbiddel l-affarijiet minn kif nafuhom sal-lum, b’għodda ġdida li għandha għanijiet ċari ħafna, li tagħti s-serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi filwaqt li tiffaċilita l-integrazzjoni lura fis-soċjetà ta’ persuni li jkunu wettqu xi reat.
Permezz ta’ dan kollu se jkun hemm bidla radikali fi proċessi preżenti li ser ikunu aktar siguri, kif jiġu amministrati ċerti sentenzi minuri, filwaqt li se tkompli tissalvagwardja l-interessi tal-vittmi u tiffaċilita l-integrazzjoni tal-persuni lura fis-soċjetà, u anke assistenza lil vittmi ta’ vjolenza domestika.
Huwa ċar għalhekk li din ir-riforma se tkun qiegħda tagħti protezzjoni akbar lill-vittmi fl-istess waqt li qed ikompli jiġi msaħħaħ l-element ta’ riabilitazzjoni permezz ta’ għodod moderni li huma effettivi u ġusti.
Filwaqt li nirrikonoxxu li din hija sistema li tista’ tagħti riżultati aħjar lil pajjiżna, dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu u li ma jistax ikun hemm abbuż. Għaldaqstant nemmnu li kif għamel fis-snin passati, il-Gvern se jaħdem biex ikun hemm impenn biex anke wara li tibda titħaddem din is-sistema, jibqgħu jittieħdu deċiżjonijiet li jkomplu jtejbu s-sistema Maltija sabiex ir-riżultat tal-aħħar snin fejn naqset ir-rata ta’ kriminalità u baqgħet waħda stabbli, ikompli jkun sostnuti.
B’dan il-pass storiku, il-Gvern qed ikompli juri bil-fatti li lest ikompli jibdel fejn hemm bżonn anke f’qasam importanti bħal dan. U għaldaqstant nemmnu li r-riforma tal-monitoraġġ elettroniku se tkun qiegħda ġġib magħha bidla essenzjali li bħalha ma kienx hawn qabel.