Monday, November 10, 2025

Pass storiku ’l quddiem lejn ġustizzja għas-sajjieda Maltin – It-Tuneżija tieħu passi kontra bastimenti tagħha 

Aqra wkoll

Il-MPE Thomas Bajada laqa’ l-fatt li, għall-ewwel darba fl-istorja, fil-qafas tal-GFCM, it-Tuneżija, flimkien ma’ pajjiżi oħrajn, qed tieħu passi konkreti biex tindirizza 21 każ ta’ ksur potenzjali tar-regoli tas-sajd li ġew irrappurtati permezz tal-lanċa tal-kontroll tal-EFCA tul is-sena li għaddiet, tul skema konġunta ta’ spezzjonijiet bejn Malta, l-Italja u t-Tuneżija.

Bajada, li kien qed imexxi delegazzjoni tal-Parlament Ewropew waqt il-laqgħa annwali tal-GFCM, saħaq li wara xhur ta’ djalogu u pressjonijiet diplomatiċi, it-Tuneżija kkonfermat li ħadet sanzjonijiet kontra s-sajjieda tagħha – fosthom iż-żamma ta’ vapuri fil-port u sekwestri. Il-MPE Malti, f’isem il-Partit Laburista, tenna li dan huwa pass kruċjali li juri li r-responsabbiltà qed tibda tinġarr u li l-koperazzjoni bejn il-partijiet tagħti frott.

Fl-istess ħin, f’pass bla preċedent fil-qafas tal-GFCM, il-Kummissjoni Ewropea talbet li l-vapur ‘Sonia’ jitniżżel fil-Lista IUU tal-GFCM – lista internazzjonali ta’ bastimenti suspettati b’sajd illegali – talba li ġiet milqugħa mill-pajjiżi kollha. Dan ifisser li l-vapur issa hu projbit milli jaħdem fil-Mediterran, u eventwalment madwar id-dinja kollha. Il-MPE Bajada spjega li din il-proposta saret wara rapporti diretti mis-sajjieda Maltin, li ressaq personalment f’isimhom, flimkien ma’ rapporti uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd, f’ħidma li ilha għaddejja minn Settembru 2024.

“Dan kollu huwa prova ċara li l-għodod Ewropej il-ġodda qed jaħdmu,” qal Bajada, “u fuq kollox – li meta s-sajjieda tagħna jitkellmu, u jkollna provi ċari, aħna nisimgħu u naġixxu b’determinazzjoni.”

Il-MPE Bajada rringrazzja lill-Kummissarju Ewropew Costas Kadis u lis-servizzi tiegħu tal-koperazzjoni mill-qrib; lid-Direttorat Malti; lis-sajjieda Maltin u Għawdxin tad-determinazzjoni tagħhom; kif ukoll lill-Parlament Ewropew tal-fiduċja li jmexxi lid-delegazzjoni tiegħu fil-GFCM. “Bis-saħħa tagħna, flimkien, qed jittieħdu azzjonijiet bla preċedent,” saħaq Bajada.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport