Tuesday, May 14, 2024

“Pass tajjeb li jnaqqas ir-riskju ta’ theddida fix-xitwa”

L-ekonomist Clint Flores dwar il-ftehim tax-xiri tal-gass mill-Ażerbajġan

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Riċentement l-Unjoni Ewropea għamlet ftehim għal xiri ta’ gass mill-Ażerbajġan, ftehim li kien għamel iżda ġie kkritikat dak iż-żmien il-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat. Dan fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ skarsezza ta’ gass ikkważata mill-gwerra fl-Ukajna u sussegwentement, limitazzjonijiet u sanzjonijiet imposti. Rigward dan il-ftehim ġdid mal-Ażerbajġan, talk.mt ħadet l-opinjoni tal-ekonomist Clint Flores fejn fl-opinjoni tiegħu l-Unjoni Ewropea għamlet tajjeb li waslet fi ftehim mal-Ażerbajġan u dan għall-fatt li, b’pass bħal dan, il-Kummissjoni Ewropea se tkun qiegħda żżid il-provvista u s-sigurtà tagħha u tnaqqas mir-riskju ta’ nuqqas ta’ gass għat-theddida li hemm ix-xitwa li ġejja.

“F’dinja globalizzata ma tistax toqgħod tagħżel minn fejn tixtri għax pajjiż ma jkunx demokratiku. Inkella, se tispiċċa teskludi aktar min-nofs id-dinja. Li ma tridx huwa li tkun dipendenti fuq pajjiżi li jkunu instabbli jew ostili. Però, nemmen li l-Unjoni Ewropea xorta qiegħda tinnegozja ma’ dittatur ieħor li ma jiddejjaq xejn jieħu biċċa mit-territorju tal-Armeni fil-konflitt riċenti ta’ Nagorno-Karabakh anke fid-dawl ta’ meta tqabbilha li r-Russja invadiet l-Ukrajna,” spjega Flores. 

Sħubija strateġika fil-qasam tal-enerġija

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen u l-Kummissarju għall-Enerġija Kadri Simson kienu ltaqgħu mal-President Ilham Aliyev u l-Ministru tal-Enerġija tal-Ażerbajġan, Parviz Shahbazov, biex isaħħu l-koperazzjoni diġà eżistenti bejn l-Unjoni Ewropea u Ażerbajġan. Iż-żewġ Presidenti f’din il-laqgħa iffirmaw memordanum of understanding ġdid għal sħubija strateġika fil-qasam tal-enerġija.

Dan il-ftehim jinkludi impenn biex tkun irduppjata l-kapaċità tal-kuridur tal-gass tan-Nofsinhar biex ta’ kull sena sal-2027 jintbagħtu mill-inqas 20 biljun metri kubi ta’ gass fil-kontinent tagħna. B’hekk il-miri ta’ diversifikazzjoni fil-pjan “REPowerEU” li se jgħin lill-Ewropa twaqqaf id-dipendenza minn dan ir-riżors naturali mir-Russja. 

Grazzi għat-tisħiħ tal-koperazzjoni għall-enerġija, l-Ażerbajġan diġà żied fl-esportazzjoni ta’ gass naturali minn tiegħu lejn l-Ewropa – minn 8.1 biljun metru kubu fl-2021 dan mistenna li din is-sena (2022) jitla’ għal 12-il biljun metru kubu.

“Il-prinċipji ma jinbidlux skont il-profitti u x’jaqbel lilek…”

Min-naħa tiegħu Flores saħaq fl-importanza li jgħid li l-prinċipji ma jinbidlux skont il-profitti u kif jaqbel lilek. Eżempju, li l-Unjoni Ewropea dejjem advokat għal soluzzjoni bejn il-Palestina u l-Iżrael. Dan l-ekonomist żied jgħid li, “issa għax qiegħda daharha mal-ħajt għax għaġġlu bis-sanzjonijiet, nittama li ma tintremiex is-Soluzzjoni taż-Żewġ Stati. Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-Affarijiet Barranin ta’ nhar it-Tnejn li għadda, ir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell iddiskutat l-idea li l-Unjoni Ewropea terġa’ tirrikoveni Association Council ma’ Iżrael li ilu ma jsir 10 snin (mill-2012). Nemmen li dan kollu qiegħed isir minħabba l-gass u għax jaqbel lill-Unjoni Ewropea. In-negozjati m’għandhomx ikunu fuq hekk biss għax bil-mod kif qiegħa taġixxi l-Unjoni Ewropea qiegħda tibgħat sinjal ħażin ta’ paniku li qiegħed idgħajjifha fejn tidħol il-politika barranija u s-sigurtà tagħha”. 

 “Jekk ir-Russja invadiet l-Ukrajna u qiegħda tokkupa l-art, l-istess ġara bl-Ażerbajġan f’Nagorno Karabakh u l-istess qiegħed jiġri fil-Palestina. Jien nemmen li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel hekk minħabba li Iżrael għandu ħażna enormi ta’ gass u għax m’għandhomx soluzzjonijiet oħra,” temm Clint Flores.

Sport