Wednesday, December 10, 2025

‘Pass wara pass tasal fejn tixtieq’ – William Lewis

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-imħabba tiegħi lejn l-atletika ilha hemm minn mindu kont għadni żgħir. Kont inħobb ħafna nagħmel ġiri fuq distanzi twal. Madankollu, minħabba s-sistema skolastika, meta dħalt is-Sixth Form u mbagħad l-Università, waqaft għal kollox.

Kienet l-ewwel edizzjoni tal-President’s Solidarity Fun Run li reġgħet qanqlitli l-ħajra. Minn Novembru tal-2009 sa Frar ta’ wara, bdejt nitħarreġ għan-nofs maratona. Għall-bidu, kont nitħarreġ waħdi, mingħajr ma kont naf jekk kontx qed nagħmel tajjeb jew ħażin. Bqajt sejjer hekk għal numru ta’ snin, bejn perjodi li kont niġri u oħrajn li kont nieqaf.

Imbagħad, fl-2022, bdejt immur nitħarreġ mal-Obstacle Course Academy, u hemmhekk iltqajt mal-coach Ivan Gauci. Niftakar li kien ħadni niġri miegħu l-Għargħur, u hemm indunajt kemm kont nieqes minn taħriġ tajjeb. Ivan dejjem iggwidani u daħħalli f’moħħi s-sens tal-konsistenza. Minn hemm, ma ħaristx lura, u nista’ ngħid li din is-sena kienet sena ta’ suċċessi personali għalija.

X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Mit-tmiem tas-sena l-oħra, daħħalt f’moħħi li nagħmel il-Maratona ta’ Ruma, u bdejt nitħarreġ għaliha min- nofs maratona taż-Zurrieq. Minħabba li din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi, ma kontx ċert jekk kontx qed nitħarreġ tajjeb, iżda xorta waħda rnexxieli nagħmilha f’ħin ta’ inqas minn erba’ sigħat.

Wara dik, ġiet il-50km t’Għawdex. Din ma marritx kif xtaqt, għax għamilt iżjed min-nofsha b’uġigħ kbir fil-pexxul, iżda xorta rnexxieli nispiċċaha. Hawnhekk reġa’ kelli twissija li ma kontx qed niekol sew, u tkellimt man-nutrizzjonista, Romi Galea. Meta rat x’kont qed niekol, qaltli li ma kontx qed niekol sew. Minn hemm, bdejt intejjeb in-nutrizzjoni tiegħi. Tlift il-piż, u bdejt nara titjib fir-riżultati. Dak li tiekol huwa importanti daqs it-taħriġ stess. 

Suċċessi oħra:

  • F’Ġunju, dħalt għall-Eurosport x Garmin Relay Tri ma’ Charlene Farrugia, Adrian Farrugia, u Daniel Fenech, u ġejna fit-tieni post fil-kategorija li kkompetejna fiha.
  • F’Settembru, irnexxieli nagħmel l-ewwel 5k f’inqas minn 20 minuta, li kien tir importanti ħafna għalija.
  • F’Ottubru, irnexxieli niġi fit-tieni post tal-age group tiegħi fil-Victoria Lines Race.
  • F’Novembru, irnexxieli nġib l-aħjar ħin tiegħi fin-Nofs Maratona taż-Żurrieq.
  • Flimkien ma’ Joseph Camilleri, iddeċidejna li nidħlu għall-iEndure, u bla mistenni,  rnexxieli nagħmel 140km u kkwalifikajt biex nirrappreżenta lil Malta fil-Backyard Ultra World Team Championship li se ssir is-sena d-dieħla.

Irrid inżid li dan kollu ma nagħmlux biss għalija personali, imma nagħmlu wkoll biex ngħin lill-fondazzjoni karitattiva li nappartjeni għaliha, HopeXchange. HopeXchange qed tagħmel ħafna ġid fil-Ghana, fejn inbena sptar immexxi minn Mario Capello li qed isalva ħafna ħajjiet ta’ nies li ma setgħux isibu l-kura fi sptarijiet oħra. Għalhekk, għal kull kompetizzjoni li nidħol għaliha, niġri bil-flokk ta’ HopeXchange, u meta nkun qed inbagħti fiżikament, niftakar f’dawk in-nies u ninsa t-tbagħtija tiegħi.

Minn hawn nitlob lill-pubbliku biex ikompli jgħinna bid-donazzjonijiet tiegħu ħalli nkomplu nagħmlu l-ġid għal dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna. Kull donazzjoni li tidħol inqisha bħala l-akbar suċċess fl-isport li qed nagħmel.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li l-għarfien lejn l-atletika kiber bil-bosta. Niltaqa’ ma’ ħafna nies li diġà jiġru jew jixtiequ jibdew. Nemmen li qed inkomplu ntejbu l-prestazzjoni tagħna, anke meta mmorru barra minn Malta.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Naħseb li l-Gvern għandu bżonn jintervjeni f’dan ir-rigward biex jagħmel il-policies neċessarji ħalli t-tfal tagħna jkollhom iżjed postijiet fejn jistgħu jitħarrġu. Dan hu speċjalment importanti għall-Obstacle Races, li jeħtieġu ħafna spazju u ma jistgħux isiru kullimkien.

Nixtieq ukoll nara lil Ta’ Qali jiżviluppa biex isir ċentru ideali ta’ taħriġ għall-atleti. Meta tqis li ħafna atleti, kemm dawk dilettanti kif ukoll professjonali, jużaw din iż-żona b’mod spontanju, huwa kruċjali li dan l-ispazju jiġi organizzat u mtejjeb biex jilħaq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-atletika Maltija.

Meta niġu għall-kompetizzjonijiet, l-akbar ostaklu huwa t-traffiku. Naf li hemm inkonvenjent għas-sewwieqa, iżda naħseb li l-awtoritajiet għandhom jgħinu iktar lill-organizzaturi. Ma rridx ngħid li l-organizzaturi ma jsibux għajnuna, iżda meta jkollna maratoni b’iktar minn 6,000 parteċipant, li anke jiġu minn barra minn Malta, u mbagħad ikollok tiġri qalb il-karozzi, naħseb li l-arranġamenti għandhom ikunu aħjar. Meta mort Ruma rajt d-differenza.

Naħseb li l-awtoritajiet għandhom jifhmu li bħalma jiġu organizzati attivitajiet oħra li jingħataw ħafna importanza, l-isport għandu jingħata l-importanza tiegħu wkoll.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

L-għan ewlieni tiegħi hu li nkompli nitħarreġ u nkompli ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi. Għas-sena d-dieħla, għandi ppjanat li nagħmel żewġ full marathons u żewġ ultra trail runs ta’ iktar minn 50km.

L-isport jgħinni ħafna mentalment. Għalhekk inkompli nitħarreġ u nipprattika dan l-isport, għax b’hekk inkun aħjar kemm fiżikament kif ukoll mentalment, u b’hekk ikun qed jgħinni fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Nisma’ ħafna nies li jgħiduli li ma jafux jiġru. Jien ma’ dan l-argument ma naqbilx. Kulħadd jista’ jidħol f’dan l-isport, u ma tistax toqgħod taħseb li mintix se tasal. Trid tibda bil-mod u dejjem iżżid. L-atletika tlaqqgħek ma’ atleti oħra li minnhom titgħallem mill-esperjenzi tagħhom stess.

Fil-klabb, dejjem inħobb nitkellem ma’ min ikun għadu fil-bidu u nirrakkontalu l-esperjenzi tiegħi u kif m’għandekx taqta’ qalbek.

Il-konsistenza fit-taħriġ u n-nutrizzjoni huma żewġ fatturi li jistgħu jwassluk biex tibda ttejjeb il-prestazzjoni tiegħek. Nisma’ argumenti oħra li ma jsibux ċans. Jekk trid tagħmel xi ħaġa, il-ħin issibu dejjem. Nieħu gost nara ħafna nies li qed iżidu l-għarfien lejn l-isport, u kemm nieħu gost meta jkollna xi kompetizzjoni u tara atleti li jgħidulek li għamlu l-‘personal best’. Pass pass, tasal fejn tixtieq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport