Sunday, October 5, 2025

Passat ta’ Ġustizzja u Kisbiet, Futur ta’ Saħħa u Viżjoni

82 anniversarju mit-twelid tal-General Workers’ Union

Aqra wkoll

“Illum qed niċċelebraw 82 sena tal-General Workers’ Union – 82 sena ta’ ġlied, ħidma, kisbiet u progress soċjo-politiku għall-ħaddiema u għas-soċjetà Maltija. Minn mindu twaqqfet fl-1943, fi żmien meta l-ħaddiema ma kellhomx leħen, ma kellhom ebda dritt jew benefiċċju,  il-GWU kienet fil-qalba ta’ kull pass importanti ta’ ġustizzja soċjali f’pajjiżna: mill-paga minima, il-ġimgħa ta’ erbgħin siegħa, il-pensjonijiet u l-leave imħallas, sal-bini tas-sistema ta’ djalogu soċjali u ftehim kollettiv. Il-GWU kienet dejjem fil-progress soċjo-politiku. 

Il-GWU ma kinitx biss unjin tal-ħaddiema; kienet u tibqa’ forza soċjali u politika favur il-ġustizzja, l-ugwaljanza, inklussività u d-dinjità fuq il-post tax-xogħol.

Illum, aħna l-akbar u l-aktar unjin rappreżentattiva f’Malta, sieħeb soċjali ta’ fiduċja u l-leħen ta’ eluf ta’ ħaddiema. Il-preżenza tagħna mhijiex biss fuq livell ta’ post ta’ xogħol u nazzjonali, iżda wkoll fuq livell Ewropew u internazzjonali – fejn inqajmu l-leħen tal-ħaddiema Maltin fi Brussell u f’Ġinevra, ħdejn l-akbar unjins fid-dinja.

Iżda l-istorja tagħna mhijiex biss passat. Hija wkoll dwar kif nippreparaw għall-futur. Fid-dinja tax-xogħol li qed tinbidel bi pjattaformi diġitali, b’diġitalizzazzjoni, intelliġenza artifiċjali u tranżizzjoni ekoloġika, il-GWU se tkompli tadatta — biex l-ebda ħaddiem ma jitħalla lura. Il-viżjoni tagħna hija ċara: irridu Malta li tibqa’ kompetittiva iżda wkoll soċjalment ġusta, fejn kull ħaddiem ikollu dinjità, sigurtà u opportunità.

Wara 82 sena, il-messaġġ jibqa’ b’saħħtu: Malta għadha teħtieġ General Workers’ Union b’saħħitha — u l-GWU lesta tkompli sservi u tmexxi ’l quddiem l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema.”

  1. Il-GWU qed tiċċelebra 82 sena — kif tiddeskrivi l-vjaġġ tagħha sa mill-1943?

Sa mit-twaqqif tagħha l-GWU kienet ta’ servizz kontinwu lejn il-ħaddiema, vjaġġ twil milli ostakli u ġlied għall-kisbiet ta’ drittijiet soċjali u umani, progress soċjali u ekonomiku. Minn meta twaqqfet fl-1943, fi żmien ta’ gwerra kbira u sitwazzjoni soċjo-ekonomika diffiċli għall-ħaddiema, il-GWU kienet fil-qalba ta’ kull azzjoni li kienet qed teħtieġ ġustizzja soċjali u dinjità fuq il-post tax-xogħol. Bħala l-akbar unjin fil-pajjiż u sħab soċjali ewlieni, il-GWU għenet biex titwaqqaf sistema ta’ ġustizzja soċjali, sistema industrijali, strutturi ta’ djalogu soċjali, kuntatti u appoġġ ma’ organizzazzjonijiet barranin. L-unjin dejjem bdiet bħala forza soċjali u politika favur il-ħaddiema u baqgħet hekk minkejja t-twissijiet mill-passat, bi preżenza dejjem akbar kemm f’pajjiżna kif ukoll fuq il-palk Ewropew u internazzjonali fejn tirrappreżenta lill-ħaddiema Maltin.

  1. X’tikkunsidra bħala l-akbar kontribut tal-GWU għas-soċjetà Maltija f’dawn id-deċennji? 

Il-vjaġġ tal-GWU sa minn meta twaqqfet kien wieħed ta’ trasformazzjoni soċjali mill-aktar sinifikanti f’pajjiżna. Il-bidu tagħha kien immarkat minn ġlied għad-dinjità tal-ħaddiema, postijiet ta xogħol siguri, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u drittijiet ta’ xoghol li dejjem baqgħu jitjiebu. Dan kemm għall-membri tagħna kif ukoll għall-ħaddiema kollha. Illum il-GWU tifforma parti essenzjali mill-eko-sistema tal-pajjiż u mill-istrutturi ta’ djalogu soċjali. Hija d-dar naturali tal-ħaddiema u hija l-unjin kompetenti li kapaċi twettaq tibdil għall-benefiċċju kemm tal-post tax-xogħol kif ukoll tal-ħaddiema. Illum b’tim ta’ uffiċjali taħdem b’mod professjonali lejn il-bżonnijiet kemm ta’ ħaddiema tradizzjonali kif ukoll ta’ dawk fil-qasam diġitali u ġdid.

  1. Il-GWU nbidlet iktar fil-valuri tagħha jew fil-metodi tagħha?

Il-valuri li dejjem mexxew lil din l-unjin – is-solidarjetà, l-ugwaljanza, l-inklussività, il-ġustizzja soċjali u d-dinjità – baqgħu kostanti, waqt li l-metodi tagħna laħqu mat-tibdiliet li qed iseħħu fis-soċjetà u dawk teknoloġiċi. Dan ifisser li llum il-GWU hi aktar diġitali, aktar attiva fis-settur professjoni, legali, il-ħaddiema barranin kif ukoll tipparteċipa fil-politika Ewropea fuq livell ta’ direttivi u regolamenti li jindirizzaw il-ħidma tal-ħaddiema. Matul l-aħħar sena, il-GWU rnexxielha tikseb ħafna ftehim kollettivi ġodda ma’ kumpaniji importanti, segretarji jaħdmu bla heda biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema u nżidu l-parteċipazzjoni tagħna fil-proċessi ta’ konsultazzjoni mal-gvern u fuq livell Ewropew.

  1. Matul l-aħħar sena, x’kienu l-akbar kisbiet tal-GWU għall-ħaddiema Maltin? 

Il-kisbiet kontinwi permezz ta’ kull ftehim kollettiv, kull liġi li tagħti dritt lill-ħaddiema hija kisba importanti. Imma żgur waħda mill-akbar kisbiet kienet li wara snin sħaħ niġġieldu għal ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur għall-ħaddiema tal-kuntrattur id-dħul tal-Avviż Legali fil-bidu ta’ din is-sena kien mill-akbar. Kisba oħra hija l-firxa dejjem tikber ta’ ħaddiema barranin li jaħdmu mal-pjattaformi diġitali li għarfu l-għaqal u l-ħidma tal-GWU. Żgur kisba oħra kienet ir-rebħa tal-kawża dwar il-Workers’ Memorial Building u l-iffirmar ta’ kuntratt ġdid li qed jiggarantixxi futur sostenibbli għall-Unjin u l-membri tagħha.  

  1. X’kienu l-akbar sfidi fuq livell nazzjonali u kif tlaqtu magħhom? 

Id-dinja tax-xogħol qed tinbidel kontinwament u huwa essenzjali li bħala unjin inkomplu ninbidlu, niġġeddu biex nilqgħu għall-sfidi ta’ llum u għada. Il-profil tal-ħaddiema qed jinbidel u anke l-membri u r-rappreżentanti tagħna qed jinbidlu. Sfida oħra hija n-numru ta’ employers li jċaħħdu d-dritt ta’ sħubija lill-ħaddiema tagħhom. Sfida oħra hi l-ħidma ta’ konsultazzjoni kemm fuq livell azjendali, nazzjonali u internazzjonali qed dejjem tikber u nixtiequ nagħmlu iżjed imma ma għandnix il-kapaċita umana biex inlaħħqu ma’ kollox. Sfida oħra żgur hija l-abbuż u l-isfruttament tal-ħaddiema barranin. Anna nibqgħu nisħqu fuq il-ħtieġa li tidħol il-liġi ta’ name and shame tal-employers li jabbużaw mill-ħaddiema u sħubija awtomatika tal-ħaddiema fl-unjin tal-għażla tagħhom. Il-qofol tal-ħidma tagħna kemm negozjar kollettiv kif ukoll djalogu soċjali jirrekjedi aktar riżorsi. Għalhekk tlabna l-Gvern biex jgħin l-isħab soċjali b’riċerkaturi u nies professjonisti. Sfida oħra li qed tikber kontinwament hija l-bilanċ bejn il-produttiva u l-effiċjenza u l-aspirazzjonijiet tal-membri tagħna. Żgur ma nistax inħalli barra l-isfida tas-saħħa mentali fejn qed naraw aktar ħaddiema jbatu b’ansjetà u burn out minħabba l-pressjoni li ssir fuqhom fuq il-post ta’ xogħol. Irridu niżguraw kwalità tal-ħajja aħjar għall-membri, ħaddiema u soċjetà tagħna. 

6. Kemm tħoss li hu b’saħħtu d-djalogu soċjali f’Malta llum? 

Id-djalogu soċjali f’Malta llum huwa wieħed b’saħħtu ħafna u huwa għodda ċentrali biex is-sħab soċjali jiddiskutu u jsibu konverġenza fl-ideat tagħhom. Huwa għodda biex diversi tilwimiet jiġu solvuti u joħloq ambjent ta’ diskussjoni u mhux konfrontazzjoni. Il-GWU dejjem saħqet fuq l-importanza tiegħu u impenjat ruħha biex ikun pilastru ewlieni fil-bini tas-sistema ta’ djalogu u mhux konfrontazzjoni, paċi industrijali u mhux tilwim industrijali. Madankollu, il-GWU tisħaq li hemm bżonn li d-djalogu jkun ukoll ġenwin, inklużiv u jkun kapaċi jilħaq mal-isfidi ġodda bħall-bidla teknoloġika u l-immigrazzjoni. Il-GWU teżerċita responsabbiltà f’dan il-qasam biex tibbilanċja bejn talbiet għall-benefiċċju tal-ħaddiema u l-ħtieġa li n-negozji jibqgħu sostenibbli, kemm soċjali kif ukoll ekonomikament. 

  1. Kif tibbilanċja l-GWU talbiet għal kundizzjonijiet aħjar ma’ bżonnijiet ta’ sostenibbiltà fin-negozji? 

Fil-passat, il-ftehim kollettiv kien strument ta’ ġustizzja u stabbiltà li ta s-sigurtà lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom. Illum il-ġurnata, il-ftehim kollettiv mhux iffukat biss fuq il-pagi iżda jinkludi wkoll aspetti bħat-taħriġ, il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, u l-iżvilupp tal-karrieri. Minħabba li l-inflazzjoni Malta tiġi kumpensata b’żieda tal-għoli tal-ħajja allura n-negozjar tagħna jsir fuq kundizzjonijiet aħjar u żieda fl-effiċjenza u produttivita. Illum il-ħidma tas-segretarji tagħna saret aktar professjonali u riċerkata. It-talbiet tagħna jkun mfassla skont il-post tax-xogħol partikolari. Xhieda tal-bilanċ li noħolqu huwa n-numru kbir ta’ ftehim kollettivi li jiġu ffirmati kull sena. Fil-futur, nixtieq nara li barra dawn l-affarijiet, il-ftehim kollettiv ikun ukoll eżerċizzju komprensiv li jindirizza l-ħtiġijiet ta’ sostenibbiltà u l-impatt tat-teknoloġija fuq il-post tax-xogħol.

  1. x’inhi l-ħidma tal-GWU fuq livell Ewropew? 

Il-General Workers’ Union ilha għal ħafna snin membru attiv tal-ETUC (European Trade Union Confederation), dejjem preżenti fil-fora Ewropej u internazzjonali. Illum nipparteċipaw b’mod konkret fid-diskussjonijiet u n-negozjati dwar direttivi importanti bħall-Adequate Minimum Wage Directive, il-Pay Transparency, l-European Pillar of Social Rights u l-Platform Work, fejn nissalvagwardjaw l-interessi tal-ħaddiema Maltin. Għandna wkoll Segretarju Internazzjonali ddedikat għall-ħidma fuq livell Ewropew, li jieħu sehem ukoll fil-European Economic and Social Committee. Barra dan kull kull segretarju tat-Taqsima jieħu sehem f’djalogu soċjali tas-setturi tiegħu flimkien ma’ trejd unjins Ewropew. Id-diskussjonijiet ikunu dejjem skont l-isfidi u l-prijoritajiet ta’ kull qasam ekonomiku. Bħala GWU nieħdu sehem ukoll b’mod attiv fid-djalogu fl-ETUC, u fil-futur se nkomplu nisħqu biex il-ħaddiema ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta jkollhom vuċi b’saħħitha u rappreżentazzjoni ġusta fil-politika Ewropea.”

  1. X’differenza jagħmlu d-direttivi tal-UE bħad-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi?

Id-direttivi tal-UE dejjem kienu strument importanti biex jogħlew l-istandards tax-xogħol f’Malta, u d-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi hija eżempju ċar. Din se tgħin mhux biss biex jitnaqqas id-distakk bejn is-sessi fil-pagi, iżda wkoll biex tnaqqas il-faqar u tippromwovi t-trasparenza u ġustizzja akbar fis-suq tax-xogħol. Għall-GWU, il-ħidma mhijiex biss li nappoġġjaw dawn id-direttivi fuq livell Ewropew, iżda wkoll li nassiguraw li jiġu implimentati b’mod sħiħ u effettiv f’Malta. Illum aħna involuti f’kampanji ta’ informazzjoni, taħriġ għall-membri u negozjati ma’ min iħaddem biex ikun hemm konformità mal-liġi. Iżda liġi tajba sakemm ikun hemm osservanza tagħha. Is-segretarji ta’ kull Taqsima jagħmlu ħidma kbira biex jaraw u jesiġu li minn iħaddem iżomm u jobdi l-liġijiet ta’ Malta. Il-GWU se tkompli tassigura li dawn ir-regoli mhux biss jiġu adottati fuq karta, iżda jkunu realtà li jibbenefikaw il-ħaddiema kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

9. Fuq livell internazzjonali, kemm hi importanti l-GWU fl-ILO u konfederazzjonijiet globali? 

Fuq livell internazzjonali, il-GWU hija rappreżentant attiv tal-ħaddiema Maltin fl-ILO (International Labour Organization) u f’konfederazzjonijiet globali, fejn tqajjem temi internazzjonali bħall-immaniġġjar tal-bidla fil-klima, l-immigrazzjoni u l-prekarjat, xogħol dinjituż, saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, xogħol informali, protezzjoni soċjali, taħriġ matul il-karriera u forom ġodda ta’ xogħol. 

10. Ir-rwol tal-GWU bħala sħab soċjali ewlieni.  

Bħala sħab soċjali ewlieni huwa dover tagħna li nressqu l-proposti, l-uġigħ u l-aspirazzjonijiet tal-ħaddiema fuq livell ta’ Gvern. Il-GWU dejjem kienet professjonali billi taħdem mal-gvernijiet differenti iżda b’pożizzjoni indipendenti, tikteb u tirrappreżenta b’mod kostruttiv u b’saħħtu d-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Fl-aħħar sena, il-GWU rnexxielha titfa’ l-influwenza tagħha billi ltaqgħet ma’ politiki li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies. Kienet il-GWU li ressqet il-proposta ta’ viżjoni għal Malta, żieda fil-pensjonijiet, pjattaforma diġitali, leave speċjali bi ħlas, tranżizzjoni diġitali ġusta, intelliġenza artifiċjali li tgħin lill-ħaddiema u mhux tneżżagħhom mid-dinjità tagħhom u din il-ħidma se tkompli u tingħata prijorità fil-futur.

Il-ħidma tagħna u r-rappreżentanza tagħna kemm fuq fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), hija vuċi ewlenija għall-ħaddiema. U l-istess tagħmel fl-Employment Relations Board (ERB) fejn tiġi diskussa kull liġi li għandha x’taqsam ma’ xogħol. Il-GWU tieħu sehem b’qawwa u passjoni fuq il-ħaddiema imma b’mod professjonali, riċerkat u bilanċjat.  

Fuq livell Ewropew, il-GWU tinvolvi ruħha b’mod attiv permezz ta’ sħubija mal-ETUC u diversi konfederazzjonijiet u tikkontribwixxi fit-tfassil ta’ direttivi u opinjonijiet, fit-taħriġ ta’ uffiċjali u l-impenn fit-tfassil skont il-ħtieġa tal-ħaddiema Maltin fuq diversi direttivi bħal dawk tal-minimum wage, work-life balance, il-pay transparency u l-protezzjoni tal-ħaddiema fil-pjattaformi tax-xogħol. Din l-attività tagħti aktar dinjità lill-ħaddiema u tagħti protezzjoni għall-kisbiet tal-ħaddiema Maltin fil-konfront ta’ sfidi ġodda. 

11. X’inhuma l-prijoritajiet tal-GWU għad-deċennju li ġej? 

Il-viżjoni tal-GWU għad-deċennju li ġej hija ċara u b’saħħitha: irridu nkomplu nibnu fuq il-pedament li jagħmel kwalità tal-ħajja aħjar għal kulħadd. Aħna nemmnu f’pagi ġusti li jirriflettu l-ħidma u d-dinjità tal-ħaddiem, mhux biss bħala numru fuq il-paga iżda bħala garanzija ta’ rispett u dinjità. Il-protezzjoni soċjali għandha tkun komprensiva u tinkludi lil kull min jaqa’ f’ċirkostanzi diffiċli. Malta għandha waħda mill-akbar firxa ta’ benefiċċji u protezzjoni soċjali li tkopri lill-anzjani, familji, persuni b’diżabilità sa persuni vulnerabbli. Iżda jeħtieġ li nagħmlu aktar biex ngħinu lil dawk l-aktar vunerabbli u noħolqu mobilità soċjali biex kulħadd joħroġ mill-faqar. L-ugwaljanza u l-inklussività mhumiex slogans iżda miri konkreta – irridu suq tax-xogħol fejn il-ġeneru, l-età jew in-nazzjonalità qatt ma jkunu ostaklu biex persuna tilħaq il-potenzjal tagħha. Is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tibqa’ prijorità assoluta: ħaddiem għandu jmur għax-xogħol b’saħħtu u jirritorna d-dar b’saħħtu. U fuq kollox, irridu suq tax-xogħol inklużiv u sostenibbli, li jagħmel tajjeb lill-ekonomija iżda fl-istess ħin iħares l-ambjent u jiżgura li ħadd ma jitħalla lura. Fuq kollox irridu kwalità ta’ ħajja aħjar anke barra l-post tax-xogħol għalhekk l-enfasi fuq il-viżjoni ta’ Malta 2050. Din hi l-viżjoni tal-GWU – unjin li ma tħarisx biss lejn illum, iżda li tħejji triq aktar ġusta u sostenibbli għal għada.

12. Ħafna żgħażagħ iħossu li l-unjins huma ’l bogħod minnhom — kif se tilħaqhom il-GWU? 

Il-GWU hija konxja li ħafna żgħażagħ illum iħossuhom ‘il bogħod mill-unjins tradizzjonali, u għalhekk aħna determinati li nkunu l-unjin li tilħaq lilhom. Matul dawn l-aħħar snin, ftaħna l-bibien tagħna għall-apprendisti u żgħażagħ minn diversi postijiet tax-xogħol. Nemmen li qed terġa’ tinħass il-ħtieġa ta’ għaqda fost il-ħaddiema u dan is-sentiment jinħass anke f’diversi segretarji żgħażagħ li għandna u diversi rappreżentanti żgħażagħ li għandna. Żgur li ma nistgħux nibqgħu ngħixu fil-passat; għandna naġġornaw il-metodi tagħna biex inkunu tassew moderni, diġitali u flessibbli. Qegħdin naħdmu biex inqarrbu aktar lill-GWU mal-ħaddiema ta’ ġenerazzjoni ġdida billi nżidu l-preżenza diġitali tagħna, nużaw il-midja soċjali u pjattaformi onlajn biex inkunu aktar aċċessibbli, u noħolqu spazji fejn iż-żgħażagħ iħossu li l-vuċi tagħhom għandha valur. Il-ħaddiema ta’ għada mhux bilfors ikunu impjegati fi strutturi tradizzjonali; illum għandna xogħol fuq pjattaformi, xogħol diġitali u mudelli ta’ impjieg ġodda li jeħtieġu li l-unjin tkun proattiva u kapaċi tadatta. Il-GWU qed tieħu l-isfida li toħloq strutturi u servizzi li jindirizzaw dawn ir-realtajiet, biex kull ħaddiem – kemm jekk fil-fabbrika, kemm jekk fuq pjattaforma onlajn jew fi spazju diġitali – ikollu unjin li tħarsu. Din hi l-GWU li rridu nibnu: unjin li timxi mal-ħin, u li tibqa’ rilevanti għall-ħaddiema ta’ kull ġenerazzjoni.

13. X’se jkun ir-rwol tal-GWU biex Malta tkun ekonomija kompetittiva u soċjalment ġusta? 

Il-GWU se tkompli tibni fuq is-suċċessi tal-passat biex tassigura li Malta tagħmel passi kbar lejn ekonomija li mhux biss tkun kompetittiva, iżda wkoll soċjalment ġusta. Il-kontribut tal-GWU għall-bini tal-istat soċjali flimkien mal-iżvilupp ekonomiku ma jistax jiġi sottovalutat – mill-introduzzjoni tal-pensjonijiet, għal-leave speċjali imħallas, għall-pagi minimi, għall-ħlas ugwali, saħħa u sigurtà, – kontributi li taw pedament ta’ ġustizzja u stabbiltà għall-pajjiż kollu. Illum u fil-futur, il-GWU tibqa’ sieħeb ewlieni fil-formazzjoni tal-politika nazzjonali u l-istrateġiji ekonomiċi, għax aħna nemmnu bis-sħiħ li l-kompetittività u l-ġustizzja soċjali għandhom jimxu id f’id. Pajjiż ma jistax jitqies bħala kompetittiv jekk l-iżvilupp tiegħu jsir fuq dahar il-ħaddiema jew jekk il-frott tal-ekonomija ma jinqasamx b’mod ġust. Il-viżjoni tagħna hi ċara: irridu Malta li toffri futur ta’ opportunitajiet ugwali, fejn il-ħaddiema kollha – żgħażagħ, nisa, ħaddiema barranin u dawk f’xogħlijiet ġodda – ikollhom id-dinjità tagħhom u l-vuċi tagħhom. Kompetittività vera mhijiex biss numri ekonomiċi, imma ekonomija li toħloq benesseri, sigurtà u dinjità għal kull wieħed u waħda minna. U f’dan, il-GWU se tibqa’ fuq quddiem biex tiggarantixxi li ħadd ma jitħalla lura. Il-Viżjoni ta’ Malta 2050 għandha tkun ir-road map li twassal għall-pajjiż u soċjetà’ ta’ kwalità aħjar. 

14. Għaliex Malta għadha teħtieġ il-GWU wara 82 sena? 

Malta għadha teħtieġ il-GWU għax l-istorja u l-esperjenza tagħna juru b’mod ċar li hu biss permezz tal-ġlied, tas-solidarjetà u tal-għaqda li l-ħaddiema kisbu d-drittijiet u l-kisbiet li għandhom illum. Ħadd ma tahom dawn id-drittijiet b’rigal – kellna niġġieldu għalihom, u bħala poplu nafu li kull kisba soċjali u ekonomika f’Malta għandha l-marki tal-GWU. Illum id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’pass mgħaġġel: it-teknoloġija, ix-xogħol fuq pjattaformi, il-pressjoni tal-kompetittività u l-isfidi globali kollha qed joħolqu realtajiet ġodda. U f’dan il-kuntest, il-ħaddiema għandhom bżonn unjin li mhix biss tkun parti mill-istorja tagħhom ta’ kuljum, iżda wkoll għodda ħajja li tħarsilhom il-futur.

Il-GWU hi dik il-unjin. Illum u fil-futur se nibqgħu nieħdu rwol attiv, dinamiku u xieraq għaż-żmien li qed ngħixu fih. Se nibqgħu l-vuċi qawwija tal-ħaddiema kollha, kemm Maltin kif ukoll barranin, nagħtu direzzjoni lill-pajjiż, u nkunu sieħeb fil-bidliet nazzjonali, Ewropej u globali. Wara 82 sena, il-messaġġ tagħna hu ċar: Malta ma tistax timxi ’l quddiem mingħajr il-GWU. U l-GWU, issa aktar minn qatt qabel, hija l-unjin tal-lum u ta’ għada – unjin b’viżjoni, b’saħħa u b’impenji konkreti biex ħaddiem qatt ma jitħalla waħdu jew jaqa’ lura. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport