Raġel ta’ 52 sena ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li b’ċajta qal lill-istaff tal-ground handling fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li kellu bomba fil-bagalja tiegħu.
Martin Cepel tressaq fil-Qorti t-Tlieta waranofsinhar, quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, fejn ġie mixli li għamel dikjarazzjoni falza lil persuna awtorizzata mill-immaniġġjar tal-bagalji fl-ajruport.
L-Ispettur Karl Roberts spjega li t-Tnejn li għadda, huwa ġie infurmat mill-uffiċjali tas-sigurtà fl-ajruportt li passiġġier Slovakk kien twaqqaf wara li sostna “li kellu bomba” meta mistoqsi jekk kellux xi apparat elettroniku fil-hand luggage tiegħu.
Ir-raġel ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Ispettur Roberts argumenta li l-imputat ikkopera bis-sħiħ mal-istaff fl-ajruport u li fl-ebda ħin ma kien ostili. Huwa żied jgħid li filwaqt li jemmen li l-imputat kien qiegħed jiċċajta fil-preżenza ta’ sħabu, il-liġi hi “ċara kristall” f’sitwazzjonijiet bħal dawn.
Cepel ingħata l-libertà kkundizzjonata.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Karl Roberts filwaqt li l-Avukat Ryan Ellul deher għall-imputat.



