Żagħżugħ ndarab serjament wara li tard ilbieraħ għall-ħabta tal-11:15 p.m kien involut f’inċident li seħħ f’Ta’ Qali.
Inewsmalta tinsab infurmata li l-Pulizija daħlilha rapport li persuna kienet tilfet il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq u baqa’ dieħel f’ħajt fil-limiti tal-park tal-klieb direzzjoni lejn il-grawnd Nazzjonali.
Minn stħarriġ illi sar rriżulta li żagħżugħ ta’ 17-il sena kien tilef il-kontroll ta’ vettura tal-għamla Renault u li miegħu kellu passiġġieri erba’ persuni oħra minorenni; żewġ subien ta’ 15-il sena, ieħor ta’ 16 u tfajla ta’ 17-il sena.
Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li assistew lil wieħed mill-passiġġieri ta’ 15-il sena sakemm seta’ jittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Bil-każ ġie infurmat l-Magistrat tal-Għassa Dr Victor Axiaq li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti biex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.