Mara u raġel iddaħħlu l-isptar wara li lbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-6:30pm kienu involuti f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq id-Difiża Ċivili, il-Mosta.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Kymco Agility misjuq minn mara ta’ 26 sena mill-Awstrija u vettura VW Golf misjuqa minn raġel ta’ 46 sena residenti Ħad-Dingli.
Tim mediku ta l-assistenza tiegħu lis-sewwieqa tal-mutur u lill-passiġġier li kien fuq il-mutur — raġel ta’ 31 sena (ukoll mill-Awstrija), sakemm setgħu jittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura permezz ta’ ambulanza li ssejħet fil-post. Iżjed tard ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-mara sofriet ġrieħi ħfief.
Is-sewwieq tal-karozza ma weġġax.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.