Tliet passiġġieri minn żewġ vetturi separati kellhom jiddaħħlu l-Isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tas-6:00 p.m., kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Far, iż-Żurrieq.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vettura Toyota Passo misjuqa minn raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Għaxaq, u vettura Opel Astra misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Birżebbuġa.
Flimkien mar-raġel ta’ 36 sena kien hemm mara ta’ 40 sena residenti Birżebbuġa, tifel ta’ 10 snin u tifla ta’ seba’ snin. Passiġġieri fit-Toyota Passo kien hemm tliet nisa ta’ 79, 70 u 44 sena, tnejn residenti Ħal Għaxaq u waħda tgħix Ħal Luqa, kif ukoll żagħżugħ ta’ 14-il sena.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu lill-persuni midruba l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard, il-mara ta’ 79 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament filwaqt li l-mara ta’ 70 sena u ż-żagħżugħ ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.