Mara li kienet riekba f’karozza tal-linja meta din kienet involuta f’ħabta rebħet €4,350 lil sid il-vettura wara li weġġgħet fl-inċident.
Emilia Schembri u żewġha Joseph fetħu l-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Arriva Malta Limited (illum Malta Public Transport Services Limited, Peter Cilia u l-kumpaniji Allcare Insurance Limited (li mbagħad inbidlet ma’ Mapfre Middlesea plc) li magħha kienet inxurjata l-karozza tal-linja u Untours Insurance bħala l-kumpanija tal-assikurazzjoni ta’ Cilia.
Schembri sostniet li fil-11 ta’ Settembru hija kienet passiġġiera fuq karozza tal-linja għaddejja minn Triq Sant’Anna fil-Furjana meta seħħet il-ħabta ma’ karozza misjuqa minn Cilia u żammitu responsabbli tal-ġrieħi li sofriet.
Mill-provi li tressqu quddiem l-Imħallef Gratio Mercieca rriżulta li ż-żewġ vetturi kienu sejrin fl-istess direzzjoni bil-karozza tal-linja baqgħet sejra dritt fi Triq Sant’Anna u Cilia dawwar għal Triq Sarria.
Cilia ngħata t-tort tal-inċident bl-imsemmi mħallef jgħid li huwa ma missux qabad u kiser lejn ix-xellug meta l-karozza tal-linja kienet għaddejja dritta.
Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-kumpens l-Imħallef Mercieca qies li Schembri kellha 56 sena dakinhar tal-inċident, kienet taħdem bħala fattiga u sofriet diżabilità permanenti ta’ 8% marbuta mal-viżta.
Huwa għalhekk ordna lil Cilia u lill-kumpanija li magħha kien inxurjat biex jagħtuha l-imsemmija somma bħala kumpens għall-ġrieħi li sofriet.