Mara u raġel iddaħħlu l-Isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tad-9:00 p.m., kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq Ħal Luqa, Ħal Luqa.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Peugeot Kisbee misjuq minn Ġermaniż ta’ 26 sena u vettura Mazda Demio misjuqa minn mara ta’ 27 sena residenti ż-Żejtun. Passiġġiera fuq il-mutur kien hemm Ġermaniża ta’ 25 sena.
Tim mediku ta l-assistenza tiegħu lill-passiġġiera ta’ fuq il-mutur u x-xufier tal-mutur sakemm setgħu jittieħdu l-Isptar Mater Dei għal aktar kura permezz ta’ ambulanza li ssejħet fil-post. Aktar tard il-passiġġiera kienet iċċertifikata bi ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel kellu ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.