Sunday, October 27, 2024

“Pastażati ta’ kummenti… il-kliem iweġġa’ u l-online bullying mhuwiex ċajta” – Gaia Cauchi

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-kantanta magħrufa Gaia Cauchi, bħal ħafna min-nies li jużaw il-midja soċjali, għażlet li taqsam xi ritratti li ttieħdu waqt vaganza personali mal-familja. Xejn ma ħasbet iżda li minn “trend” li kienet qed tagħmel, tispiċċa fil-mira tal-bullying onlajn.

Dan hekk kif wara li ppubblikat ritratti tippoża bil-bikini waqt li tinsab f’nofs is-silġ, bosta kienu dawk il-persuni li rrikorrew għall-midja soċjali biex jgħidu tagħhom iżda spikkaw ukoll ċertu kummenti dispreġġjattivi fil-konfront tal-kantanta li wasslu biex tikkummenta hija stess.

Gaia qalet: “Qed naqra dawn il-kummenti u nġib għajnejja wara widnejja. Ma nafx kif hawn ċertu nies li ma jaħsbux qabel ma jiktbu. Pastażati ta’ kummenti. Kif tista’ tgħajjar lil xi ħadd “blokka silg” jew “qiegħda fil-habitat tagħha” jekk qatt ma ltqajt miegħi? 

“Sħuna” jien lilek personali qatt xi ddarba għamiltlek xi ħaġa biex urejtek li jien hekk? Mela għax tinża bil-bikini llum il-ġurnata saret xi ħaġa kbira? “Diva” “drama queen” “besqa” “għal likes” – l-affarijiet li nagħmel nagħmilhom għalija u ġieli naqsam ċertu affarijiet fuq il-midja soċjali. Ħa nerġa’ ninżel Malta u minn jaf meta ħa nerġa’ narah is-silġ… din hija trend!”

Hija żiedet tgħid li taf li mhix l-unika persuna li qatt għamlet xi ħaġa hekk u fil-fatt qalet li ma kinitx qed tippretedenti li jkun hemm artiklu fuqha lanqas għax anke hi tarah bla sens.

Hija u tirrifletti, Gaia qalet li dawn l-artikli joħolqu biss iktar bullying għaliex sfortunatament hemm nies li ma jafux ma jgħiduhiex kelma żgħida. “Forsi għalikom dak il-ħin li tkunu ktibtuhu, dħaktu daħka u komplejtu bil-ġurnata, u dak li jkun irid joqgħod jidħol hawn ġew u jaqra dawn il-pastażata ta’ kummenti tagħkom… il-kliem iweġġa’.”

Qalet li ilha taqla kummenti bla sens mingħand in-nies mindu kienet iżgħar u stqarret li tkun qed tigdeb jekk tgħid li m’għadhomx jaffetwawha.

“Kelma inqas aħjar minn kelma żejda. Tkunux il-kaġun tal-burdata ħażina fil-ġurnata ta’ xi ħadd. Forsi jien jirnexxieli nibqa’ għaddeja bil-ħajja tiegħi, imma ħaddiehor forsi mhux b’saħħtu biżżejjed biex ma jaħsibx fuqha u l-online bullying mhuwiex ċajta,” temmet għid il-kantanta.

Sport