Sunday, November 24, 2024

Patri Leonard, Kapuċċini jagħlaq 50 sena saċerdot

Aqra wkoll

Patri Leonard, Kapuċċin din is-sena qiegħed ifakkar il-50 sena anniversarju minn meta ġie ordnat saċerdot.

Fuq il-midja soċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Patri Leonard jikteb li ilu fil-komunità tal-Kapuċċini mill-1964. Jikteb li “qabel dħalt magħhom għamilt disa’ snin it-Tarzna, iżda mhux minn hemm ġibtha l-vokazzjoni.

“Illum qiegħed hawn bħala saċerdot u reliġjuż grazzi għall-MUSEUM u għal żewġ patrijiet li kont qrib ħafna tagħhom u kienu l-konfessuri tiegħi, Patri Stiefnu u Patri Rafel. Permezz tal-MUSEUM għaraft il-valur li tkun ta’ servizz totali għal ħaddieħor. Is-saċerdozju, jekk tneħħilu dik il-karatteristika, x’jibqa’ fih? Jien irrid insarraf dak li niċċelebra, li nneħħi l-mantar u nilbes il-fardal u nkun ta’ qadi.”

Patri Leonard jgħid li matul dan il-50 sena kien kappillan il-Marsa, Kappillan Monte Karmeli u anke serva fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Jgħid li għamel żmien iservi l-Ministeru tiegħu fil-Ħabs u wara sentejn mar iservi fl-Isptar Mater Dei. “Dawn l-esperjenzi ma kontx intella’ subgħajja għalihom però ma kontx ngħid jew nitlob li nitlaq għaliex meta tkun hemm, tibda tapprezza li tista’ tkun ta’ qadi għal dak u għall-ieħor. Illum ninsab fil-kunvent ta’ San Ġwann,” jgħid il-Patri.

Isemmi wkoll il-kunventi li għex u serva fihom fejn fost l-oħrajn kien il-Kalkara u anke f’Ħal Kirkop.

Hu jirrakkonta li kien jagħti daqqa t’id pastorali mar-ruxmata tfal u żgħażagħ li kien hemm dak iż-żmien. “Kien propju fuq dan il-ħsieb li rranġajna ċentru ta’ skola, li kien kważi żdingat, f’post fejn it-tfal u ż-żgħażagħ setgħu jiltaqgħu. Nista’ ngħid li hemmhekk saret fjoritura ta’ pastorali mat-tfal, maż-żgħażagħ u anke mal-ġenituri tagħhom. Din il-linja pastorali mal-poplu għadni għaddej biha sal-lum.”

Patri Leonard itemm jgħid li jħares lejn kull esperjenza li kellu f’ħajtu b’ammirazzjoni. “Nati parir biex kull min qed jibża’ jafda f’Alla, jiltaqa’ mal-kelma tiegħU. Lil Alla ssir tafU bil-kelma tiegħU stess. Aħna għandna għajdut fil-Malti li jgħid, “Rajtek, għaraftek nofsok, smajtek titkellem u għaraftek kollok.” U jekk irrid inkun naf lil Alla, irrid nisma’ l-kelma tiegħu. Hemm tiskopriH u hemm ikollok l-bieb miftuħ beraħ u l-poġġaman fuq xix tistrieħ,” itemm jikteb Patri Leonard.

Sport