Patri Marcellino Micallef il-Fundatur tas-Soup Kitchen rebaħ il-Premju għal din is-sena liema prempju ġie ppreżentat mill-Eċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta Dr George Vella.
Il-President ta’ Malta George Vella qal li persuni kbar fl-età għandhom jingħataw kull spazju u fakultà li jkomplu jużaw l-għarfien u l-abbiltajiet tagħhom għall-ġid tagħhom u tal-komunità. “Dawn l-għerf u l-esperjenza ma jistgħux jintilfu. Mhumiex xi ħaġa antika jew żejda, iżda bżonn f’kull soċjetà moderna kemm hi moderna. Kulħadd għandu sehem x’jagħti f’dan il-proċess,” stqarr il-President waqt is-serata ‘Premju Anzjanità Attiva’.
l-President qal li l-età m’għandhiex tkun ta’ xkiel biex persuna tkompli tinvolvi ruħha u jkollha rwol ċiviku fil-komunità. Innota li entitajiet bħall-Kunsilli Lokali, entitajiet governattivi u għaqdiet mhux governattivi jistgħu joffru opportunitajiet varji biex iħeġġu lill-anzjani jitgħallmu u jaqsmu l-għarfien, esperjenza fid-dinja tax-xogħol, tradizzjonijiet, valuri u ħafna iktar bejniethom u ma’ ġenerazzjonijiet oħra.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela rringrazzja lill-anzjani kollha għall-kontribut kbir li taw matul ħajjithom. Qal li dak li qegħdin ingawdu aħna llum ġie bil-ħidma ta’ min ġie qabilna u l-isforzi tagħhom. Waqt li ddeskriva l-Premju Anzjanità Attiva bħala ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni f’dan is-settur, il-Ministru Abela stqarr li hu sabiħ li jibqa’ jkun hemm numru sabiħ ta’ parteċipanti għal dan il-premju.
Il-lista uffiċjali tar-rebbieħa hija din:
Premju Anzjanità Attiva – Patri Marcellino Micallef
Premju Innovazzjoni u Teknoloġija – Proġett CLIVE
Premju Anzjanità Sportiva – Is-Sur Carmel Mizzi
Premju Volontarjat fl-Anzjanità – Is-Sur Joseph Vella
Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali – L-iskola primarja tax-Xewkija u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija għall-Proġett Interġenerazzjonali dwar snajja’
Premju Anzjanità Kulturali – Is-Sur Charles Bellia