Minn Cristian Muscat
B’karriera ta’ kważi 40 sena ta’ suċċessi fiċ-ċikliżmu, bl-aktar tiġrija li jibqa’ jiftakar barra minn Malta hija meta kiseb l-ewwel post flimkien ma’ Maurice Formosa (2team) fl-Etna Marathon Tour 2018 quddiem timijiet tajbin mill-Belġju u minn Franza. Huwa wieħed minn żewġ ċiklisti Maltin, bl-ieħor ikun David Galea, li rebaħ tiġrijiet f’kull kategorija eżistenti fl-istorja taċ-ċikliżmu Malti.
Kif għażilt iċ–ċikliżmu fost sport ieħor?
Kelli 13-il sena meta bdejt insuq fl-1986. Kont nilghab il-football ukoll dak iż-żmien iżda s-sens ta’ libertá li jagħtik iċ-ċikliżmu għoġobni aktar.
Int irbaħt diversi unuri fiċ-ċikliżmu kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Agħtina d-dettalji.
Iva, irbaħt il-kampjonat tal-U15 fl-1987 u tal-juniors fl-1989, diversi road races oħra f’kull kategorija u diversi podiums fil-mountain bike fil-kategorija elite. Fil-fatt għandi rekord personali li jien l-uniku ċiklist Malti s’issa li rbaħt tiġrijiet f’kull kategorija ( U15, juniors, elite u masters). Irbaħt ukoll it-time trial fit-tour ta’ Malta 2015 fil-kategorija Masters u spiċċajt fit-tieni post overall fit-Tour ta’ Malta u spiċċajt l-ewwel Malti dejjem fil-Masters. Barra minn Malta, l-aktar podiums għal qalbi huma t-tielet post overall fit-tour ta’ Ċipru (road race) fl-2014, it-tieni post fil-Maratona dei Nebrodi fl-2018 (mountain bike) u t-tieni post fl-Etna Marathon fl-2018 (mountain bike), it-tieni post fl-Etna Extreme 2019 (mountain bike), u t-tielet post fl-Etna Marathon fl-2019 (mountain bike). Imma l-aktar tiġrija li nibqa’ niftakar hija meta ksibt l-ewwel post flimkien ma’ Maurice Formosa (2team) fl-Etna Marathon Tour 2018 quddiem timijiet tajbin mill-Belġju u minn Franza.
U dawk iktar riċenti?
Ħa nibda minn Frar li għadda fejn ħadt sehem fil-Mediterranean Epic MTB li ssir f’ Oropesa del Mar fi Spanja. Din tikkonsisti fi stage tour ta’ erba’ stadji, tlajja iebsin twal u terran b’ħafna blat peressli qrib il-baħar. Temmejt fil-15-il post minn iktar minn 61 ċiklista fil-kategorija Master 5 fl-age grup tiegħi – minn 50 sena sa 54 sena.
Ngħaddi issa għall-Etna Marathon tal-ġimgħa li għaddiet. Din l-edizzjoni kienet it-12-1il darba konsekuttiva li pparteċipajt f’din it-tellieqa u t-tielet darba konsekuttiva li tlajt fuq il-podju fiha. Ġejt fil-ħames post fl-2023, it-tielet fl-2024, u t-tieni matul din is-sena dejjem fil-kategorija Master 5.
L-Etna Marathon tikkonsisti fuq tliet rotot – Maratona ta’ 63km u 2,100 metru f’diżlivell, il-Granfndo 43km u 1,600 metru diżlivell u excursion 25km u 800 metru diżlivell. Jien ħadt sehem fil-Granfondo, fejn din is-sena ġejt it-tieni minn 41 ċiklista fil-Master 5, u fit-22 post minn 227 ċiklista fil-klassifika overall. Li tiġi mal-ewwel 10% taċ-ċiklisti f’dak il-livell huwa riżultat importanti ħafna. Proprju nhar il-Ħamis li ġej nitlaq għal Livigno fl-Italja, hekk kif is-Sibt li ġej għandi tellieqa oħra. Is-sena d-dieħa nagħlaq 40 sena nikkompeti fiċ-ċikliżmu!
Int tispeċjalizza f’’long distance marathons’. Agħtina iktar dettalji rigward dawn it-tip ta’ tlielaq u x’differenza tgħaddi minn tlielaq oħra fiċ–ċikliżmu.
Id-differenza minn tlielaq qosra hi li trid tkun kapaci tqassam saħħtek għal tul ta’ ħin, eżempju sitt – tmien sigħat speċjalment fil-maratonli li nieħu sehem fihom jien li jinvolvu ammont ta’ muntanji ripetutament.
Niġu issa għas-sigurtá fit-toroq Maltin. Bosta jgergru li m’hawnx biżżejjed sigurtá fit-toroq għalikom iċ-ċiklisti. Il-kummenti tiegħek.
Kollu minnu li qed tgħid. Irridu nammettu li pajjiżna huwa limitat minn toroq kbar li jippermettu li jkollhom cycle lane adekwata. Sfortunatament, hawn xufiera irresponsabbli f’pajjiżna. L-opinjoni tiegħi hi li min irid jitħarreġ sew, juża naqra sens komun u jitħarreġ f’ħinijiet mhux tat-traffiku u juża toroq kwieti lejn it-Tramuntana ta’ Malta.
Int li sifirt għal diversi drabi barra minn Malta biex tieħu sehem f’kompetizzjonijiet taċ–ċikliżmu, kif tqis ir-riżorsi li għandna Malta meta kkumparati ma’ dawk li wieħed jista’ jsib barra minn Malta, per ezempju l-fatt li m’għandniex muntanji fejn pajjiżi oħra bħal Liechtenstein għalkemm huma pajjiżi żgħar għandhom u naf li dawn huma imporatnti għat-taħriġ tagħkom. Il-kummenti tiegħek.
Iva, Malta hi dik li hi. Muntanji m’hawnx, allura trid tagħmel taħriġ alternattiv biex tikkumpensa r-reżistenza li tagħtik it-telgħa.
Taħseb li fil-futur wieħed jista’ jaqla’ l-għixien tiegħu permezz taċ–ċikliżmu biss f’pajjiżna?
Fortunatament, iċ-ċiklist Malti Aidan Buttigieg ġietu l-oportunitá li jikkompeti ma’ tim professjonali taċ-ċikliżmu, l-Italja. J’Alla jkun hemm okkażjonijiet oħra sbieħ bħal dawn għaċ-ċiklisti żgħar tagħna fil-futur!
Taspira li xi darba tieħu sehem fit-tlielaq internazzjonali prestiġjuzi internazzjonali ‘Giro d’Italia’ u / jew ‘Tour de France’?
Din hija mistoqsija li faċli nwieġbek għaliha. La jien u lanqas ħadd f’pajjiżna mhu se jkollu l- opportunitá li jieħu sehem fil-‘Giro d’Italia’ jew it-‘Tour de France’. Dawk huma atleti ta’ livell fenomenali.
Finanzjarjament x’jinvolvi biex tixtri rota professjonali?
Rota profesjonali tiswa bejn €6,000 u €13,000. It-teknoloġija u l-istudju li fiha r-rota tal-lum tista’ tikkumparaha ma’ livell ta’ karozza jew mutur tal-kompetizjoni fejn għalkemm ta’ ħeffa kbira tkun inkredibbilment effiċjenti.
Int ċiklista professjonali iżda xorta waħda jkollok tħallas biex tieħu sehem fit-tournamnets varji tac-cikliżmu li jsiru f’pajjiżna. X’tikkummenta fuq dan?
Din hija domanda li tweġġagħni ħafna speċjalment meta naraw kemm jintefqu flus kbar f’affarijiet oħra. Fl-opinjoni tiegħi u tal-maġġoranza ta’ atleti oħra ġejjin minn dixxiplini differenti, naqblu li jintefqu flus fil-ħela f’avvenimenti li fihom ma naslu mkien. Imbagħad aħna nagħmlu sagrifiċċji enormi biex nirrapreżentaw lil pajjiżna u apparti li nixtru l-apparat aħna u nħallsu kollox minn butna, nitilfu l-flus tax-xogħol ukoll, bla ebda kumpens.
Tara li hawn biżżejjed żgħażagħ li qegħdin jaspiraw li jieħdu bis-serjeta’ c-cikliżmu?
Iva, għall-paragun ta’ snin oħra qed nieħu gost nara li bħalissa għandna ammont sabiħ ta’ żgħażagħ li qed jieħdu ċ-ċiklizmu bis-serjetá.
Huwa minnu li ċ–ċikliżmu huwa sport individwali?
Iċ-ċikliżmu għandu l-vantaġġ li tista’ titħarreġ individwalment, iżda biex tkun kompetittiv fit-tiġrijiet għandek bżonn l-għajnuna ta’ tim komplut magħqud miegħek.
Isiru tournaments taċ–ċikliżmu b’mod regolari f’pajjiżna? U meta jsiru ssibu koperazzjoni mis-sewwieqa jew ikun hemm ħafna tgergir?
Kompetizzjonijiet isiru għax fortunatament hawn ftit nies dedikati ħafna. Iżda biex niġu għall-argument ta’ qabel, Malta hija żgħira, allura mqar tagħlaq triq, toħloq kaos. Sfortunatament, in- nies f’pajjiżna jevitaw li jikkoperaw, eżatt bil-kontra ta’ pajjiżi ġirien tagħna.
Il-media f’pajjiżna tagħtikom biżżejjed exposure u pubbliċità?
Fil-media, aħna fortunati li hemm nies bħalek, Maria Vella Galea u Joanna Camilleri fost oħrajn li jagħtuna ‘exposure’, għax kieku ftit li xejn ikun hemm interess fl-isport tagħna.
Għandek xi idoli kemm fil-ħajja in ġenerali kif ukoll fil-kamp sportiv?
L-idolu f’ħajti dejjem kien missieri li sfortunatament ħalliena kmieni matul is-sena li għaddiet. Dejjem għallimni d-dixxiplina f’kull ħaġa li nagħmel f’ħajti. L-idoli tiegħi fil-kamp sportiv huma dawk l-atleti li jipprattikaw l-isport tagħhom b’determinazzjoni u jkunu dejjem kompetittivi, irrelevanti jirbħux jew le.
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li jixtiequ jibdew jieħdu bis-serjetá ċ-ċikliżmu f’pajjiżna.
Messaġġ liċ-ċiklisti żgħażagħ hu li jieħdu gost b’li qed jagħmlu, jagħmluh b’passjoni u bi grinta – dak kien li żamm lili li nkun kompetittiv f’dawn l-aħħar kważi 40 sena kemm ilni ċiklista!