Wednesday, December 25, 2024

PATT

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Alfred Sant

Il-Patt fuq l-Immigrazzjoni u l-Ażil li ppublikat il-Kummissjoni Ewropea l-ġimgħa l-oħra fih ħafna x’tomgħod, mhux l-anqas in-numru ta’ paġni li jammontaw għalihom id-dokumenti maħruġa: kważi 500. Ħaġa ċara li l-Kummissjoni pprovat toħroġ b’kompromess li jista’ jaqbel miegħu kulħadd. Is-sogru hu li tispiċċa ma tissodisfa lil ħadd.

Bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea l-akbar nuqqas ta’ qbil jinqala’ fuq żewġ punti fondamentali: Il-piżijiet tal-immigrazzjoni rregolari għandhom jinġarru mill-membri kollha, billi l-immigranti li jaslu jitqassmu fost kulħadd?  U t-tieni: L-immigranti li jaslu għandhom jibqgħu fl-ewwel pajjiż fejn jaslu sakemm tittieħed deċiżjoni dwar x’għandu jsir minnhom (li tista’ ttul)?

Ma jidhirlix li l-pajjiżi konċernati bidlu wisq il-pożizzjoni tagħhom matul ix-xhur u s-snin. Il-Kummissjoni qed tipprova toħloq strutturi ta’ sorvelja, tmexxija u finanzjament li jagħtu ftit nifs lil pajjiżi bħall-Italja, Greċja (u Malta) waqt li ma jnaffrux lil pajjiżi bħall-Ungerija u l-Polonja. Niddubita kemm irnexxielha.

MITĦNA

Hi ħaġa ta’ dwejjaq kemm issir taf bi proġetti li fi żmienhom kienu tajba u interessanti u li mas-snin jispiċċaw magħluqa u minsija. L-aktar li jiġri hekk hu fil-każ ta’ binjiet qodma bħal knejjes. 

Naħseb f’dil-ħaġa kull darba li ngħaddi minn qrib il-mitħna fi Triq in-Naxxar, limiti ta’ B’kara. Kienet ġiet restawrata u miżmuma tajjeb b’wirja artistika permanenti mill-artist Gabriel Caruana li ħa ħsiebha. Darba stedinni nżurha u kont bqajt impressjonat b’li rajt u bil-ħerqa tiegħu għal kif il-binja tista’ tkun għajn ta’ ħidma kreattiva.

Wara mewtu sentejn ilu, qed tkun ta’ spiss magħluqa, pjuttost abbandunata.

KONGO

Il-ktieb “Congo” tal-awtur Belġjan fjamand David van Reybrouck hu twil sew imma jixraqlu jinqara mill-bidu sal-aħħar. Jirakkonta l-istorja ta’ kif il-Kongo, fiċ-ċentru tal-Afrika, pajjiż li jiġi daqs tliet kwarti tal-Ewropa tal-Punent, inħakem mill-Belġjani li sempliċement użawh biex joħorġu minnu l-materji primi li kellhom bżonn u dan bl-anqas spiża u b’esplojtazzjoni mill-aktar brutali tal-popli Afrikani li jgħixu hemm. Waslu wkoll kumpaniji Ġermaniżi u l-Amerikani fost oħrajn, li ma ddarsux iħaddmu l-istess metodi bħall-Belġjani.

Matul id-deċennji, l-isforzi li saru biex tiddaħħal amministrazzjoni publika, sistema ta’ edukazzjoni u ta’ saħħa publika kienu minimi. Ir-reġjunijiet differenti bl-ilsna differenti tagħhom tpoġġew f’antagoniżmu bejn xulxin. L-Indipendenza ingħatat ħabta u sabta, bla wisq tħejjija. Ir-riżultat kien kaos, ġlied u ħerba. Is-snin twal imbagħad li fihom mexxa Mobutu kienu żmien ta’ ħala u korruzzjoni. Sadattant, il-kumpaniji multinazzjonali tal-Punent baqfgħu jsoffu mill-materji primi kongoliżi…

Hi storja tal-akbar twegħir. Tpoġġi dawl ieħor fuq l-għaliex daqstant Afrikani jemigraw lejn in-nord. 

Ekonomija

Sport