Il-midfielder internazzjonali Franċiż ta’ Juventus, Paul Pogba, se jiġi operat bil-possibbiltá li se jitlef il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja li se ssir f’Novembru li ġej fil-Qatar.
Huwa se jiġi operat f’irkopptu li r-rijabilitazzjoni tista’ tħallih barra għal madwar xahrejn.
Pogba ngħaqad ma’ Juventus f’dan is-sajf wara sitt snin ma’ Manchester United li ironikament kienu ffirmawh mingħand l-istess Juventus fl-2016.
F’dan l-istaġun għadu ma lagħabx partita kompetittiva minħabba li kien weġġa’ fil-pre-season.
Huwa kien jittrenja ħafif iżda qatt ma kien tajjeb biex jilgħab u għaldaqstant ġie deċiż li jsirlu intervent kirurġiku.
Il-coach ta’ Juventus, Massimiliano Allegri, sostna li l-operazzjoni hija l-unika triq biex dan il-player ta’ 29 sena jfiq.
Huwa qal: “Jien jinteressani biss l-interess tal-player u ta’ Juventus. It-Tazza tad-Dinja mhijiex il-problema tiegħi.”