Nistqarr li meta kont nirrapporta mill-Parlament waħda mid-Deputati Parlamentari li kont inħoss li kienet tkun preparata ħafna waqt id-diskussjonijiet u d-dibattiti kienet tkun id-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici. Anke kitbietha fil-ġurnali tal-Partit Nazzjonalista kont inqishom bħala bilanċjati. Tħares lejn is-suġġett mil-lenti tagħha u tagħti l-interpretazzjoni li tħoss u li għandha kull dritt tagħmel. Rari rajtha tinterrompi fil-vojt waqt xi Seduta Parlamentari.
U ngħidlek id-dritt għalhekk issorprendejt ruħi meta lid-Dottoressa rajtha tirrikorri għall-vavata li rrikorriet għaliha riċentement meta l-Prim Ministru Robert Abela kien qed jagħlaq id-diskors tiegħu bi tweġiba għas-suppost kritika tal-Budget min-naħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Issorprendejt ruħi aktar u aktar meta rajt lid-Deputata Mifsud Bonnici ċċarrat ħalqha u tħares lejn uħud mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti, fosthom il-Kap tal-Oppożizzjoni, li bdew isabbtu fuq l-imwejjed ta’ quddiemhom waqt li hi kienet qed timblokka lill-cameraperson u tostakolah milli jkompli jinkwadra lill-Prim Ministru waqt id-diskors tiegħu. Bħal donnhom kienu qegħdin jiggustaw lil xulxin!!!
Ftit tas-sigħat wara Paula Mifsud Bonnici rrealizzat x’vavata kienet għamlet. Irrealizzat li, bir-rispett kollu lejha, irredikolat lilha nnifisha u lill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament. Talbet skuża. Għamlet apoloġija.
Jekk hux skuża, apoloġija ġenwina, inħallih fil-ġudizzju tiegħek. Imma jibqa’ l-fatt li għamlitha. Ammettiet li żbaljat. Inħoss li tali reazzjoni kellha tkun segwita minn apoloġija simili mill-Kap tal-Oppożizzjoni u Deputati Nazzjonalisti oħrajn li kienu tant voċiferi fl-appoġġ tagħhom lil Paula Mifsud Bonnici. Għax ladarba ammettiet li żbaljat allura tali appoġġ voċiferu ma kienx dovut, hux hekk?
U la darba qed nitratta dik is-Seduta Parlamentari partikolari ma nistax ma nirrimarkax dwar it-teatrini ta’ Adrian Delia. Imġieba arrogantissima, fl-opinjoni tiegħi. Anke jekk ħass li għandu jagħmel point of order hemm bżonn dawk ix-xeneġġati? U hemm bżonn dawk l-interruzzjonijiet bla sugu? Sempliċiment biex il-Prim Ministru ma jitħallix għaddej bid-diskors tiegħu. Biex jitteħidlu mill-ħin allokat għalih.
U s-Sur Speaker? Twissija waħda wara l-oħra u azzjoni ma tasal u ma tittieħed qatt!!! Lanqas f’logħba football ma jiġri hekk. Tintwera l-karta s-safra darba u mat-tieni nuqqas li jkun jimmerita karta safra oħra jkun ifisser awtomatikament tkeċċija. Imma l-Parlament mod ieħor.
Ikolli ngħid li veru l-Parlament sar mod ieħor. Mhux mod ieħor minn logħba football, imma minn Parlamenti preċedenti. Ma nafx kemm-il Speaker niftakar jissospendi Deputati Parlamentari mis-seduta li jibqgħu jinterrompu minkejja li jkunu ngħataw twissija biex jieqfu. Ma nafx kemm-il darba smajt lis-Sedja tordna “Onorevoli…….. oħroġ ‘il barra, sospiż ħames minuti.” U tara lill-Onorevoli Membru ħiereġ ‘il barra mill-Kamra b’denbu bejn saqajh.
Illum mod ieħor.

