Sunday, December 22, 2024

PAWLU, IL-FIDI U D-DIŻGRAZZJI

Aqra wkoll

Għall-Maltin, illum l-10 ta’ Frar hija ġurnata immarkata fl-Istorja bħala l-bidu tat-Tradizzjoni Kristjana f’pajjiżna. Hemm miktub fl-Atti tal-Appostli li San Pawl innifsu ġab il-Kristjaneżmu fil-gżira Maltija. Mingħajr ma noqogħdu nidħlu fid-dettalji ta’ dak li tirrakkontalna l-Bibbja tajjeb però li nsemmu li fi triqtu bħala priġunier lejn il-qorti, tempesta kbira kissret il-vapur li kien sab ruħu fuqu Pawlu. Forsi d-destin jew ix-xorti, fuq kollox għal min jemmen, riedu li t-tempesta twasslu lejn il-gżejjer tagħna u meta n-nies li salvaw għax emmnu dak li Pawlu kien qalilhom, waslu Malta qawwijin u sħaħ. 

Imma x’ġara matul is-snin u għalfejn hawn min jgħid ma nistgħux inqabblu lin-nies ta’ dak iż-żmien, lil dawk li ġew wara, dawk li għexu fil-gwerra u t-tbatija u n-nies li saru jgħixu f’ġirja kontra l-ħin f’dinja moderna. M’aħna ngħidu xejn ġdid jekk nitkellmu dwar il-problema tal-attendenza fil-knejjes, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. 

Patri partikolari fl-aħħar xhur meta mitkellem minn dan il-ġurnal kien qalilna li ma jemminx li huwa minnu li l-ġenerazzjoni hekk imsejħa moderna m’għadhiex temmen, iżda iktar saret tħares lejn il-Knisja bħala gabbana tat-Take Away fejn tmur meta jkollha bżonn biss. Nemmnu li lil hinn minn dawk il-bulijiet kollha li jiċħdu lil Alla u t-twemmin fih, hemm ħafna li meta jiġu darhom mal-ħajt iduru lejn is-sagramenti u jippruvaw isibu rifuġju. Jiġuna f’moħħna persuni li jingħataw aħbarijiet relatati ma’ mard serju jew dawk li minkejja diversi opinjonijiet li jxerrdu meta jkunu fil-pubbliku jew f’kummenti fil-midja, iduru lejn is-sagramenti fosthom dak taż-żwieġ li minkejja kollox għadu sagrament b’saħħtu ħafna fost il-poplu kollu. 

Fl-aħħar jiem dak li seħħ fit-Turkija u fis-Sirja wkoll nistgħu nassoċċjawh mat-twemmin nisrani u dak li beda minn San Pawl. Ritratt partikolari li kien juri statwa ta’ Madonna li minkejja li madwarha kien hemm ħerba, din baqgħet sħiħa u fil-post fejn kienet. Ir-reazzjonijiet varjaw minn dawk li saħqu li dak ma tistax ma tgħidx li mhux miraklu sa oħrajn li argumentaw li trid tkun veru ma taħsibhomx biex tiddeskrivi xena ta’ statwa bla ħajja li baqgħet sħiħa filwaqt li eluf mietu fgati jew mgħaffġin taħt it-terrapien. Nemmnu li m’aħniex il-persuni idonji biex ngħidu min għandu raġun, iżda li hu żgur huwa l-fatt li l-ikbar miraklu li assistejna għalih huwa l-għaqda ta’ diversi uffiċjali minn diversi postijiet madwar id-dinja li lil hinn mit-twemmin tagħhom, ħallew kollox biex jippruvaw isalvaw mill-inqas il-ħajja ta’ xi ħadd… inkluż tim minn pajjiżna li qiegħed jagħmlilna ġieħ kbir. 

Pawlu jista’ wkoll iservi bħala tarġa biex napprezzaw il-ħidma ta’ dawn in-nies li proprju fil-festa tiegħu hija xi ħaġa komuni li jkunu impenjati minħabba maltemp li jaħkem il-gżejjer Maltin. Tiġina f’moħħna b’mod partikolari s-sena 2018 fejn fl-istess perjodu proprju bħal bieraħ, tilef ħajtu raġel ta’ 38 sena mir-Rumanija residenti l-Mosta li kien qiegħed isuq vann fil-limiti tal-Imrieħel meta tqaċċtet siġra u ġiet għal fuqhom. 

Fl-istess sena kien inkalja fil-Qawra l-bastiment tal-Hephaestus li minn dakinhar kien ikkundannat tant li wara li saru x-xogħlijiet neċessarju fl-aħħar xhur tniżżel fix-Xatt l-Aħmar biex jitgawda mill-għaddasa. Proprju lbieraħ l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili kellhom jassistu fuq ammont sostanzjali ta’ rapporti minħabba diversi ħsarat varji kkawżati mill-Maltempata Helios li wasslet għal riħ qawwi u anke ħalbiet tax-xita kontinwi f’diversi żoni. 

Temmen jew ma temminx, il-fatt li ma kien hemm ħadd fil-vetturi li kien hemm ipparkjati fil-pjazza tal-Għarb hija waħda mill-iżjed raġunijiet għalfejn għandna nħossuna grati li bħala pajjiż dalgħodu ma qomniex nibku t-telfa ta’ persuni li setgħu inzertaw fil-post ħażin fil-ħin ħażin. Nemmnu wkoll li lil hinn minn kull forma ta’ twemmin, dan il-jum jista’ jservi ta’ tarġa għal kull wieħed u waħda minnha biex bħal Pawlu nbiddlu l-istil ta’ ħajjitna, kemm biex insiru aħjar għalina kif ukoll biex kemm jista’ jkun nservu ta’ ġid għall-bqija tas-soċjetà.

Ekonomija

Sport