Wara l-maltemp ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-jiem li ġejjin mistennija jantiċipaw is-sajf ta’ San Martin. Għall-jiem li ġejjin, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar żieda konsiderevoli fit-temperatura, hekk kif sal-Ħadd 26 ta’ Ottubru t-temperatura mistennija titla’ sa 29°C.
Dan se jkun ikkawżat minn sistema ta’ pressjoni għolja minn fuq l-Atlantiku li se tissaħħaħ fuq ir-reġjun tal-Mediterran u li tista’ tkun antiċipazzjoni tal-kundizzjonijiet tat-temp, ġeneralment assoċjati ma’ nofs Novembru, magħrufa lokalment bħala s-sajf ta’ San Martin (bl-Ingliż Indian Summer). Matul dan il-perjodu huma komuni sistemi ta’ pressjoni għolja kważi statiċi fuq il-Mediterran. Dawn jimblokkaw sistemi ta’ maltemp milli jidħlu fir-reġjun, bir-riżultat li jġibu magħhom temp xott u stabbli, ikkaratterizzat minn riħ ftit li xejn, temp xemxi u temperaturi ogħla mill-medja, kważi pawża mit-temp frisk tal-ħarifa u ritorn qasir lejn temp iżjed sajfi.
Fil-fatt, għal tmiem il-ġimgħa li ġejja, l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar temp xemxi u sħun, partikolarment matul il-ġurnata tal-Ħadd. Fil-fatt bejn il-Ġimgħa (24 ta’ Ottubru), meta qed nistennew riħ ftit jew wisq qawwi mill-Punent Majjistru, għall-Ħadd (26 ta’ Ottubru), meta r-riħ se jdur min-Nofsinhar il-Lbiċ u jmut kważi għal kollox, it-temperatura mistennija togħla b’5°C, għal 29°C, jiġifieri erba’ gradi aktar mit-temperatura medja massima għax-xahar ta’ Ottubru.
Madanakollu, wara dan ir-ritorn qasir lejn temp kważi sajfi, mir-Tnejn ir-riħ mistenni jerġa’ jdur lejn il-Majjistral u jżid fil-qawwa, b’riżultat li bejn il-Ħadd u t-Tlieta (28 ta’ Ottubru) l-ogħla t-temperatura se tinżel għal 22°C.
Intant, minkejja t-temp instabbli ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, partikolarment is-Sibt filgħaxija, Ottubru għadu ma laħaqx il-kwota tax-xita għax-xahar (77.8 mm). Bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda, niżlu fuq il-Gżejjer Maltin 11-il mm xita jew total ta’ 71 mm mill-bidu tax-xahar.
BIDU XOTT GĦAS-SENA TAX-XITA
Ix-xahar ta’ Settembru, li jimmarka l-bidu tas-sena tax-xita, kien ħafna iżjed xott mill-kwota. Fil-fatt, matul ix-xahar li għadda, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel biss 7.4 mm xita, jiġifieri 51.8 mm inqas mill-kwota għal Settembru.
It-temperatura medja ta’ 25.6°C kienet ukoll ftit iżjed sħuna min-norma klimatika għal Settembru (24.9°C). L-ogħla temperatura tax-xahar telgħet għal 34.4°C fit-2 ta’ Settembru, filwaqt li l-aħħar tax-xahar immarka l-aktar lejl kiesaħ hekk kif il-merkurju niżel għal 18.1°C.
Settembru kien ukoll aktar xemxi min-norma klimatika, b’medja ta’ 9.3 sigħat xemxin kuljum, iżda inqas mirjieħ hekk kif il-veloċità medja tar-riħ kienet dik ta’ 6.2 knots.