Wednesday, July 24, 2024

Pazjenti li jinżammu Monte Carmeli fit-tul naqsu drastikament

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fir-rigward ta’ detenzjoni involontarja, mill-2014 sal-lum, in-numru ta’ pazjenti li jinżammu fl-Isptar Monte Carmeli għal tul ta’ żmien naqas drastikament u aktar pazjenti qed jiġu rilaxxati għal trattament komunitarju. Dan ħareġ mir-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali. 

F’kummenti ma’ inewsmalta l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali John Cachia qal li dan seħħ għaliex illum hemm l-ordni ta’ trattament fil-komunità li jippermetti moniteraġġ mit-team responsabbli fil-komunità mingħajr il-ħtieġa li l-pazjent jinżamm kontra l-volontà tiegħu ġewwa istituzzjoni jew sptar. Huwa qal li b’hekk tingħata kura b’iktar dinjità u titnaqqas l-istigma fuq il-persuna u dawk ta’ madwaru u l-individwu jista’ jkompli jieħu sehem b’mod sħiħ bħal pereżempju jkompli fl-impjieg tiegħu.

Ir-rapport juri wkoll li n-numru ta’ rappurtaġġ ta’ inċidenti li rċieva l-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-saħħa mentali żdied b’mod drammatiku għal 264 rapport fl-2019 meta mqabbel ma’ 74 inċident irrappurtat fl-2014. Mistoqsi dwar dan, Dr Cachia qal li r-rappurtaġġ tal-inċidenti li jiġru f’faċilitajiet ta’ kura mhux mezz ta’ dixxiplina imma hu eżerċizzju essenzjali biex inċident jiġi analizzat u ma jirrepetix ruħu. Huwa aċċenna għall-fatt li l-obbligu ta’ rappurtaġġ tal-inċidenti daħal fis-seħħ mad-dħul fis-seħħ tal-liġi tas-saħħa mentali fl-2013.

Dr Cachia qal li l-qasam tas-saħħa mentali għalhekk huwa sal-lum l-uniku qasam li għandu obbligu ta’ rappurtaġġ. “Dan huwa mezz kif tħares id-drittijiet tal-pazjent u kif titjieb l-kwalità tal-kura li tingħata. Iż-żieda fir-rappurtaġġ bejn l-2014 u l-2019 huwa aspett pożpittiv u xhieda li l-istaff stess qed jagħraf li r-rappurtaġġ qed iwassal għal azzjoni konkreta biex jinbidlu prattiċi u jiġu emendati protokolli. Dan kollu jissarraf fi kwalità ta’ kura aħjar għal pazjenti u aktar sigurtà għal min jieħu ħsieb,” temm jgħid Dr Cachia.

Ekonomija

Sport