Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex nhar il-Ħamis 15 ta’ Awwissu 2024 jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mill-Imġarr għal Ħad-Dingli.
L-inizjattiva qed tittieħed għas-seba’ darba minn żewġ parroċċi dedikati lil Marija Assunta fil-jum tal-festa solenni tagħha li jkun ukoll jum ta’ btala pubblika.
Is-sewwieqa tal-muturi huma mistiedna jinġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr fid-9.15 a.m. Il-pellegrinaġġ jitlaq fl-09.45 a.m. Mal-wasla f’Ħad-Dingli, ħdejn il-Knisja Arċipretali jsir it-tberik tal-muturi u s-sewwieqa jingħataw tifkira. Is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-quddiesa fil-Knisja ta’ Ħad-Dingli li tibda fil-11.00 a.m.
Din is-sena, din l-inizjattiva se tkun ta’ sostenn u għajnuna għal Puttinu Cares fil-proġett li din l-organizazzjoni qed tirsisti biex twettaq fiċ-ċentru ta’ Londra għal pazjenti Maltin u qraba tagħhom.