Nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Marzu fis-6.00 p.m., l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser imexxi l-Pellegrinaġġ Nazzjonali bix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur ġewwa l-Belt tal-Isla. Filwaqt li dan huwa wieħed mill-pellegrinaġġi annwali li jmexxi l-Arċisqof matul iż-żmien tar-Randan, din is-sena hija okażjoni speċjali għax l-Arċidjoċesi ta’ Malta ser tkun qed tiċċelebra l-Ġublew tat-Tama fit-tbatija.
Matul dik il-ġurnata il-quddies ikun fis-7.00 a.m., fl-10.00 a.m., fil-5.00 p.m. u hekk kif jintemm il-Pellegrinaġġ. Il-ftuħ tal-Bażilika jkun mis-6.30 a.m. sal-11.30 a.m. u mill-4.15 p.m. sat-7.45 p.m.
Ix-xbieha mirakoluża ta’ Ġesù Redentur ser tkun esposta mit-Tnejn 24 ta’ Marzu sal-Ħamis 27 ta’ Marzu fil-Bażilika li ser tkun miftuħa mis-6.45 p.m. sa nofsilejl.
Matul l-istess ġimgħa ser isir simpożju fuq it-tama fis-6.45 p.m. fejn ġew mistiedna diversi persuni li ser iwasslu messaġġ ta’ tama lill-poplu.