F’dan iż-żmien tar-Randan, in-Nisrani jagħmel riflessjoni dwar kif Sidna Ġesù Kristu wettaq ir-Rieda t’Alla l-Missier sal-mewt fuq is-salib. Permezz tal-pelligrinaġġ “Mixja ma’ Kristu fi Triqatna” li se ssir għar-raba’ darba fil-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, se nkomplu dawn ir-riflessjonijiet.
Dan il-pellegrinaġġ se jsir nhar il-Ħadd 22 ta’ Marzu. Kollox jibda fis-4.45 ta’ filgħaxija b’parata li titlaq mill-kwartieri ġenerali tal-1st Ħamrun Scout Group Duke of Argyll’s Own, fejn jaslu ħdejn il-knisja tal-Kunċizzjoni. Minn hemmhekk jibda’ ħiereġ il-pelligrinaġġ bis-sehem ta’ 100 persunaġġ Bibbliku li b’xi mod jew ieħor jirrapreżentaw l-ħajja ta’ Ġesù mit-twelid sal-passjoni tiegħu. Jieħdu sehem ukoll il-banda tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun, 1st Sliema Scouts Group, membri mill-Mixja Neokatekumenali u l-Komunità Indjana. Dawn tal-aħħar se jkantaw bil-lingwa tagħhom lil Ġesù Msallab.
Jakkumpanja l-pelligrinaġġ, l-vara ta’ Ġesu Kurċifiss, fejn għall-ħabta tas-7 ta’ filgħaxija se tieqaf fil-pjazza ta’ quddiem il-każin tal-Kunċizzjoni fejn se jkun hemm is-siġġijiet għal waqt il-mumenti ta’talb u ta’ riflessjoni. Wara din il-waqfa se nkomplu nakkumpanjaw lill-vara ta’ Ġesù Msallab sal-knisja. Matul it-triq kollha se jindaqqu marċi funebri kif ukoll tingħad it-talba tal-Via Sagra.
L-Għaqda qiegħda tistieden lill-poplu Malti u Għawdxi kollu biex jattendu din l-attività ta’ fidi. Mhux meħtieġ li wieħed joqgħod jirriserva postu. Is-siġġijiet huma mingħajr ħlas u min ma jixtieqx jimxi wara l-pelligrinaġġ jista’ jaqbad u jmur bilqiegħda. Il-parkeġġ huwa provdut mingħajr ħlas fl-eks Liceo, Kulleġġ San Ġorġ Preca, il-Ħamrun.
Din l-attivitàa hija mtella’ mill-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun, b’kollaborazzjoni tal-Kummisjoni Ġimgħa l-Kbira fi ħdan il-Banda Santa Marija Dingli u l-Kunsill Lokali Ħamrun.
Għal aktar informazzjoni, żur il-paġna ta’ Facebook: Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, Ħamrun.

