Anzjan ta’ 70 sena tressaq il-Qorti mixli li stupra lin-neputija tiegħu stess meta kellha tmien snin. Huwa tressaq quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech il-Ġimgħa filgħodu.
L-Ispettur Wayne Buhagiar spjega fil-Qorti kif it-tifla, li llum għandha 11-il sena, kienet irraportat lil nannuha lill-puliizja nhar id-29 t’April tal-2024 fejn allegat li kien stupraha u ssoġġettaha għal abbuż sesswali fir-residenza tiegħu.
L-Ispettur Buhagiar kien tkellem mal-qraba tal-akkużat, inkluż il-minuri nfisha u ommha. Huwa żied jgħid li l-minuri kienet taħt care order u li tfal oħra kienu jgħixu m’ommha.
Meta t-tfal l-oħra kienu mistoqsija jekk kinux raw xi attitudni mhux xierqa min-naħa ta’ nannuhom, huma wieġbu fin-negattiv. Il-mara tal-akkużat qalet lill-pulizija li żewġha għandu problemi ta’ saħħa mentali.
L-akkużat kien mixli li stupra lin-neputija meta kienet għadha taħt l-età, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha u li kkorrompiha. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bl-Avukat Difensur Marcus Degiorgio jitlob li l-klijent tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest.
Id-Difiża argumentat li l-akkużat kien ilu ma jara lill-allegata vittma numru ta’ snin minħabba li kienet tgħix f’xelter u li l-aħħar li ra kien fil-preżenta tas-social workers.
Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel u t-tifla tiegħu, li tiġi omm il-minuri, kienu għadhom f’kuntatt tant li anke dehru jitgħannqu barra l-awla.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant l-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Jurgen Dalli mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Wayne Buhagiar.