Pensjonanta ta’ 63 sena residenti l-Ħamrun tressqet fil-Qorti fejn ġiet mixlija li wettqet serqa minn ħanut li jbigħ l-kafè fl-istess lokalità fejn toqgħod.
Carmen Camilleri kienet mixlija b’serq aggravat bil-vjolenza, li żammet persuna li taħdem fil-ħanut kontra l-volontà tagħha, li ġarret sikkina mingħajr liċenzja u li heddet persuna oħra.
L-Ispettur Lydon Zammit spjega fil-Qorti kif il-Pulizija kienu infurmati b’hold up li seħħ fil-Ħamrun. Intqal li mara armata b’sikkina kienet daħlet f’ħanut u serqet il-flus mill-cash register.
Persuna li dak il-ħin kienet fuq barra tal-ħanut segwiet lis-suspettata li dehret dieħla f’residenza ftit metri bogħod minn fejn seħħet l-allegata serqa.
Il-pulizija waslu fuq il-post u ssoktaw bl-investigazzjonijiet tagħhom fejn ġie determinat li s-suspettata kienet daħlet fir-residenza tagħha.
L-Ispettur spjega li meta ppruvaw iħabbtu mal-bieb, għall-ewwel hija ma kkoperatx iżda bejn ħames u tmien minuti wara fetħitilhom u kkoperat magħhom.
Fil-Qorti, Camilleri wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha u f’dan l-istadju d-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tagħha. Kien għalhekk li baqgħet tinżamm taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Keith Rizzo, Ian Vella u Lydon Zammit.
L-Avukat Matthew Xuereb deher għall-imputata.



