Spiss nitkellmu dwar il-pensjonijiet u kemm żdiedu. Iżda ftit nitkellmu dwar kemm pensjonanti diversi ikunu qed jirċievu f’pensjoni fis-sena.
L-Orizzont fl-aħħar jiem tkellem ma’ uffiċjali fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jikseb aktar tagħrif dwar dan.
Tajjeb li ngħidu li kull pensjonant, mal-pensjoni, jirċievu l-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja sa massimu ta’ €21.53 fil-ġimgħa u Bonus Addizzjonali ta’ €3.12 fil-ġimgħa, waqt li jirċievu wkoll il-Bonus ta’ Ġunju u Diċembru kull 6 xhur. Jista’ jkun li jkunu qed jirċievu benefiċċji oħra iżda dawn se nħalluhom barra, anke għax m’humiex taxxabbli.
Mill-informazzjoni li kiseb L-Orizzont, ħa nagħtu eżempji differenti ta’ pensjonanti tipiċi u l-pensjonijiet li jitħallsu, inkluż il-bonusijiet imħallsa mal-pensjoni. Dawn ma jinkludux pensjonijiet privati li xi ħadd jista’ jkun qed jirċievi u li wkoll jistgħu ikunu taxxabbli.
- Il-pensjoni minima sħiħa ta’ persuna singola, magħdud magħħa l-bonusijiet, hija ta’ €11,482 waqt li ta’ miżżewweġ hija ta’ €12,302 fis-sena. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, il-pensjoni li jirċievi dis-sena dvarja bejn €13,320 u €15,420.
- Xi ħadd li din is-sena qed jirtira bi Dħul Pensjonabbli ta’ €20,000, jibda b’pensjoni ta’ madwar €14,752. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, il-pensjoni li jirċievi dis-sena dvarja bejn €15,618 u €18,618.
- Xi ħadd li din is-sena qed jirtira bi Dħul Pensjonabbli ta’ €23,000, jibda b’pensjoni ta’ madwar €16,502. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, il-pensjoni li jirċievi dis-sena dvarja bejn €17,748 u €21,198 fis-sena.
- Xi ħadd imwieled qabel l-1962 li din is-sena qed jirtira bid-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ €25,500, jibda b’pensjoni ta’ madwar €18,418. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, il-pensjoni li jirċievi dis-sena dvarja bejn €19,523 u €23,348 fis-sena.
- Xi ħadd imwieled fl-1962 jew wara u li din is-sena qed jirtira (qabel l-età tal-irtirar) bid-Dħul Pensjonabbli Massimu ta’ €29,083, jibda b’pensjoni ta’ madwar €20,607. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 3 snin, il-pensjoni li jirċievi dis-sena dvarja bejn €22,067 u €24,878 fis-sena.
- Xi ħadd miżżewweġ li jaħdem mal-Gvern u jirtira dis-sena fuq il-massimu ta’ Skala 15 u li għandu pensjoni tas-servizz, ikun qed jirċievi €10,450 pensjoni tas-servizz u jibda b’pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ €10,166 għal total ta’ €20,616 fis-sena. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, it-total tal-pensjonijiet li jirċievi dis-sena ivarja bejn €21,185 u €23,153 fis-sena.
- Xi ħadd miżżewweġ li jaħdem mal-Gvern u jirtira dis-sena fuq il-massimu ta’ Skala 10 u li għandu pensjoni tas-servizz, ikun qed jirċievi €14,750 pensjoni tas-servizz u jibda b’pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ €10,166 għal total ta’ €24,916 fis-sena. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, it-total tal-pensjonijiet li jirċievi dis-sena ivarja bejn €25,485 u €27,453 fis-sena.
- Xi ħadd miżżewweġ li jaħdem mal-Gvern u jirtira dis-sena fuq il-massimu ta’ Skala 7 u li għandu pensjoni tas-servizz, ikun qed jirċievi €17,673 pensjoni tas-servizz u jibda b’pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ €10,166 għal total ta’ €27,839 fis-sena. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, it-total tal-pensjonijiet li jirċievi dis-sena ivarja bejn €28,408 u €30,376 fis-sena.
- Xi ħadd miżżewweġ li jaħdem mal-Gvern u jirtira dis-sena fuq Skala 4 u li għandu pensjoni tas-servizz, ikun qed jirċievi €21,458 pensjoni tas-servizz u jibda b’pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ €10,166 għal total ta’ €31,624 fis-sena. Jekk xi ħadd bħal dan ikun ippospona l-pensjoni b’bejn sena u 4 snin, it-total tal-pensjonijiet li jirċievi dis-sena ivarja bejn €32,193 u €34,161 fis-sena.
Irid jingħad ukoll li jekk ikunu membri tal-korpi dixxiplinati, minħabba li dawn ma jikkommutawx il-pensjoni tas-servizz, din tkun ogħla peress li ma jieħdux somma. Eżempju, xi ħadd fuq il-massimu ta’ Skala 12 b’25 sena servizz, dis-sena jirtira b’pensjoni ta’ €17,293 u jekk jirtira wara 29 sena servizz, il-pensjoni tas-servizz tkun ta’ €21,271. Jiġifieri xi ħadd bħal dan, b’rank relattivament baxx, malli eventwalment jibda jieħu l-pensjoni tas-sigurta’ soċjali wkoll, ikun qed jirċievi total li jaqbeż sew it-€30,000 u jista’ jilħaq il-€35,000 fis-sena.
Filwaqt li dan t’hawn fuq juri kemm żdiedu l-pensjonijiet fl-aħħar snin, sorsi fl-Amministrazzjoni Maltija tat-Taxxa u d-Dazju qalulna kemm kienet għalhekk importanti ż-żieda li kien hemm fl-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-pensjonijiet. Sas-sena l-oħra din l-eżenzjoni kienet għadha ta’ €16,636 li kif tistgħu taraw fl-eżempji mogħtija, kważi kollha jaqbżuh dan l-ammont, u l-biċċa l-kbira minnhom jaqbżuh sew.
Din is-sena din l-eżenzjoni telgħet għal €37,104 u b’hekk kien assigurat li pensjonanti bħal dawk imsemmija fl-eżempji issa huma koperti għal kollox u ma jħallsux ċenteżmu taxxa fuq il-pensjonijiet tagħhom. B’żieda ma’ dan ukoll, issa huwa biss id-dħul l-ieħor (li mhux ġej minn pensjonijiet) li se jkun ikkunsidrat għat-taxxa u minn dan, l-ewwel €12,000 jew €15,000 minn dan id-dħul l-ieħor ukoll mhux se jkun taxxabbli. U min hu b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ għandu eżenzjoni addizzjonali ta’ €3,600 li ilu jgawdi 10 snin.
Dawn is-sorsi qalulna li kieku ma sarx dan it-tibdil importanti din is-sena, madwar 16,300 pensjonant kienu se jibqgħu iħallsu t-taxxa fuq parti mill-pensjonijiet tagħhom minbarra fuq id-dħul l-ieħor, li bejniethom jitilgħu għal madwar €25 miljun f’taxxa. Minn din is-sena, dawn issa jew mhux se jħallsu aktar taxxa inkella se jħallsu l-anqas taxxa li qatt ħallsu.
Dawn is-sorsi qalulna wkoll li l-pensjonanti ilhom sa mill-2016 iħallsu anqas taxxa kull sena bis-saħħa ta’ diversi miżuri fiskali li daħħal il-Gvern. Spjegawlna li bħala eżempju, persuna b’komputazzjoni ta’ singola b’pensjoni ta’ €20,000 u dħul ieħor ta’ €12,000 din is-sena mhux se tħallas taxxa, meta sas-sena l-oħra kienet tħallas €1,273 taxxa, u bir-rati tat-taxxa tal-2015 kieku kienet tħallas €5,275 f’taxxa.
Spjegawlna wkoll li persuna b’komputazzjoni ta’ miżżewweġ b’pensjoni ta’ €24,000 u dħul ieħor ta’ €14,000 din is-sena ukoll mhux se tħallas taxxa, meta sas-sena l-oħra kienet tħallas €1,083 taxxa u bir-rati tat-taxxa tal-2015 kieku kienet tħallas €5,595 f’taxxa.

