Il-manager ta’ Manchester City, Pep Guardiola, se jitlef iż-żewġ logħbiet li jmiss tat-team tiegħu fil-Premier League wara li ġie operat f’dahru.
Guardiola, 52 sena, kien qed isofri minn uġiegħ qawwi f’dahru u għaldaqstant ivvjaġġa lejn il-belt ta’ Barċellona biex isirlu l-intervent kirurġiku.
Is-City jmorru għand Sheffield United nhar il-Ħadd u jilqgħu lil Fulham fit-2 ta’ Settembru fl-Etihad Stadium.
Guardiola mistenni jerġa’ lura għax-xogħol wara l-waqfa internazzjonali.
L-assistent manager, Juanma Lillo, se jieħu f’idejh it-taħriġ tal-ewwel team u jmexxi minn fuq il-linja waqt il-partiti fl-assenza ta’ Guardiola.
Fi stqarrija l-club qal li l-operazzjoni, li saret mill-ispeċjalista Mireia Illueca, kienet “suċċess” u l-moħħ tat-Treble se “jirkupra u f’Barċellona stess.”
L-istqarrija żiedet: “Kulħadd f’Manchester City jawgura lil Pep fejqan ta’ malajr, u jistenna bil-ħerqa li narawh lura f’Manchester dalwaqt.”