Persuna jew persuni ħaffru ħofra kbira ta’ aktar minn metru u nofs fir-ramel tar-Ramla l-Ħamra b’konsegwenza li kien hemm periklu kbir għal dawk li kienu fil-post b’mod speċjali tfal li jkunu qegħdin jilgħabu.
Kienu l-Wildlife Rescue Team li qalu li kull filgħaxija jagħmlu ronda biex jippreparaw għal lejl għassa fir-Ramla l-Ħamra, iżda x-xogħol tal-volunieri llum kellu jibda aktar kmieni mis-soltu.
Il-volontieri tal-Wildlife Rescue Team ta’ kull filgħaxija qabel ma jidlam iduru r-ramel kollu biex ineħħu kull ostaklu li jkun hemm f’każ li xi fekruna tkun se titla’ tbid.
Iżda, llum huma ġew informati li fuq ir-ramel kien hemm ħofra kbira li mhux biss kienet ta’ periklu għal fkieren, iżda wkoll għan-nies. Kien għalhekk li l-volunitieri niżlu kmieni r-Ramla l-Ħamra biex imlew mill-ġdid din il-ħofra bir-ramel u neħħew kull periklu.
Il-Wildlife Rescue Team f’messaġġ ħeġġew lil kulħadd biex waqt li jkunu qegħdin igawdu l-bajja, ma jagħmlux ħofor bħal dawn minħabba li mhux biss huma ta’ xkiel għal fkieren biex ibidu, iżda faċilment jista’ jweġġa’ xi ħadd.