Friday, May 23, 2025

Periklu ġdid… Misjub logħob tan-nar mhux splodut fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa

Wildlife u l-armata jieħdu azzjoni f’waqtha

Aqra wkoll

Is-sajf kważi magħna u t-temperaturi sħan diġà wasslu biex għadd ta’ persuni jmorru jgawdu l-bajjiet. Fil-bajjiet u l-ħin ta’ rilassament li nqattgħu fihom importanti li nżommu f’moħħna s-sigurtà. Proprju dwar sigurtà dan il-ġurnal qiegħed iwassal għarfien dwar possibbiltà ta’ periklu ġdid. Dan il-periklu mhux mistenni ltaqgħu miegħu l-Wildlife Rescue Team Malta waqt li kienu qegħdin f’waħda mir-rondi tal-bajjiet huma u jfittxu bejtiet tal-fkieren u jnaddfu dak kollu li jista’ jxekkel dan il-proċess naturali.

Kif dejjem jagħmlu, waqt din ir-ronda l-volontiera ta’ Wildlife Rescue żommew għajnejhom miftuħa għal kull tip ta’ oġġett li jista’ jkun ta’ periklu anke għall-bniedem. Perikli li jinkludu toqob kbar ir-ramel li fid-dlam persuna tista’ taqa’ u tweġġa’ fihom. F’ronda li saret f’dawn il-jiem f’Għajn Tuffieħa (Riviera) ġara li dawn il-volontieri sabu oġġett mhux tas-soltu. Dan kien logħob tan-nar mhux splodut.

Wildlife Rescue Team qalu li dan il-logħob tan-nar tela’ mal-mewġ u “filwaqt li dan ma jieħux meta jkun imxarrab, ladarba jinxef dan jiġi instabbli u jista’ jisplodi. Minkejja li huwa żgħir bħala daqs, jekk tifel jew tifla kellhom jilagħbu bih u jieħu, dan jista’ jikkawża ġrieħi pjuttost severi”.

Hawn Wildlife Malta rringrazzjaw lill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) li dejjem jgħinuhom f’sitwazzjonijiet bħal dawn. L-AFM fil-fatt marru fuq il-post, innewtralizzaw il-logħob tan-nar u ħaduh magħhom biex jiddispondu minnu b’mod sigur. Din l-organizzazzjoni tat ħajr ukoll lill-volontiera tagħha għall-fatt li dejjem iżommu għajnejhom miftuħa sew waqt li jkunu fuq ir-rondi msemmija. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport