Thursday, March 13, 2025

“Permezz ta’ din il-produzzjoni, it-tfal qegħdin jieħdu ħafna edukazzjoni”

- Jamie Camilleri, id-direttur artistiku tal-musical Oliver JR li se titella’ fi tmiem il-ġimgħa li ġej

Aqra wkoll

“Permezz ta’ din il-produzzjoni, it-tfal qegħdin jieħdu ħafna edukazzjoni.” Hekk stqarr Jamie Camilleri, id-direttur artistiku tal-Musical Oliver JR li se jittella’ fi tmiem il-ġimgħa li ġej fl-Oratorju Don Bosco f’Għawdex.

Din il-produzzjoni qegħdin issir fuq inizjattiva tal-Kulleġġ ta’ Għawdex fejn fiha jistgħu jieħdu sehem studenti li jattendu l-iskola medja u l-iskola sekondarja li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 11 sa 15-il sena.

Camilleri jgħid ma’ dan il-ġurnal li b’kollox hemm 79 attur li se jieħdu sehem. “Qegħdin naraw li l-istudenti qegħdin isiru jħobbu l-palk… fil-fatt is-sena li għaddiet konna tellajna Peter Pan u nnutajna li dawk li ħadu sehem is-sena l-oħra reġgħu ħadu sehem filwaqt li ġabu aktar studenti magħhom,” jgħidilna d-Direttur Artistiku.

Jistqarr li din mhux sempliċi produzzjoni ta’ fuq palk, imma hija xi ħaġa edukattiva. “Aħna nagħmlu kuraġġ kbir lill-istudenti… fil-fatt l-auditions li jsiru ma jsirux bħalma jsiru għal produzzjonijiet oħrajn. Minn qabel nibdew inħeġġu lit-tfal biex jippreparaw u kull min japplika u jiġi ppreparat jidħol fil-produzzjoni,” ikompli jgħidilna Camilleri filwaqt li nnota li wara l-produzzjoni tas-sena l-oħra, ħafna mill-istudenti għażlu li jkomplu jistudjaw id-drama fuq livell professjonali hekk kif ħafna applikaw biex jistudjaw dan fl-iskola tal-arti u drama fix-Xewkija.

Camilleri jistqarr li l-palk hu ta’ benefiċċju kbir għall-istudenti. Fil-ħin tal-provi dawn ikunu qegħdin jitkellmu flimkien u mhux dejjem fuq il-mobile jew tablet. “L-edukazzjoni li qegħdin jieħdu minn din il-produzzjoni hija kbira wisq. Insemmi li dawn jitgħallmu jitkellmu fil-pubbliku, jitgħallmu kif ikollhom preżenza fuq il-palk u anke joħorġu mill-comfort zone tagħhom. Apparti minn hekk huma jitgħallmu kif jaħdmu bħala tim wieħed,” jgħidlna Jamie Camilleri li llum sar isem magħruf fit-teatru f’pajjiżna.

Jinnota wkoll li hemm studenti li fl-iskola jistudjaw l-arti li dawn ingħataw l-oppprtunità li jaħdmu fuq ix-xenarju u affarijiet oħrajn relatati ma’ din il-produzzjoni.

Camilleri jinnota wkoll li produzzjoni bħal din, l-atturi jkollhom bżonn jitkellmu bl-Ingliż u allura permezz tal-palk huma qegħdin jingħataw taħriġ dwar kif jitkellmu bid-djalett Ingliż. Apparti dan kellhom l-opportunità li jitgħallmu dwar l-istorja Ingliża u anke kif kienu jgħixu dawn it-tfal orfni.

Konxji mill-fatt li llum it-tfal huma mpenjati ferm kemm bl-istudju u anke b’affarijiet oħrajn, staqsejna lil Camilleri dwar kif qegħdin isiru l-provi. Jgħid li l-provi tal-kant u żfin qegħdin isiru kollha waqt il-brejks. Jgħidilna wkoll li imbgħad il-provi fuq il-palk saru kollha nhar ta’ Sibt.

Id-direttur jgħid li sab koperazzjoni kbira kemm mill-ġenituri u anke mill-għalliema. “L-aħħar ġimgħa ta’ provi jkun hemm kuljum u dawn qegħdin isiru waqt il-ħin tal-iskola. Sibna koperazzjoni kbira mill-għalliema tant li taw iċ-ċans lill-istudenti li jagħmlu x-xogħol tal-klassi d-dar biex b’hekk ikunu jistgħu jattendu għall-provi,” itemm jgħid Camilleri.

Din il-produzzjoni se ssir nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġej fl-Oratorju Don Bosco fir-Rabat Għawdex. Għall-biljetti wieħed jista’ jċempel fuq 25988900 jew 25988950 jew 79202169.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport