Tuesday, January 14, 2025

“Permezz ta’ kollaborazzjoni bejnietna niddiskutu u nipproponu r-rakkomandazzjonijiet għal xogħol  ta’ kwalità” – Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Il-General Workers’ Union tiltaqa’ mal-Association for Outsourcing and Temping Agencies

Aqra wkoll

F’laqgħa bejn il-General Workers’ Union u l-Association for Outsourcing and Temping Agencies (AFTA) ġewwa l-Workers’ Memorial Building ġiet diskussa s-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż tax-xogħol u l-ħaddiema barranin li ġejjin minn pajjiżi terzi, u d-dokument ta’ konsultazzjoni Malta Labour Migration Policy.

Iż-żewġ naħat qablu dwar it-tnedija tal-Malta Labour Migration Policy, hekk kif tinħass il-ħtieġa li jkun hawn miżuri u infurzar biex jinqata’ l-isfruttament minn fuq il-ħaddiema, kemm Maltin kif ukoll barranin, kif ukoll il-ħtieġa ta’ ktar prattiċi regolati li jsarrfu f’ħaddiema ta’ kwalità, xogħol ta’ kwalità u industrija aktar responsabbli u sostenibbli. Iddiskutew ukoll proposti bil-ħsieb li flimkien jikkollaboraw fuqhom, taħriġ, prattiċi ta’ xogħol sostenibbli, xogħol dinjituż u paga xierqa, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet  li jinsabu mniżżla fid-dokument tal-politika tax-xogħol.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja flimkien mad-Deputat Segretarju Kevin Camilleri u s-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela aċċennaw il-proċess ta’ konsultazzjoni li kellha l-amministrazzjoni tal-GWU mal-Ministru Byron Camilleri qabel ma tnediet din l-inizjattiva tal-Gvern.

“Aħna ddiskutejna ċerti proposti mal-Ministru, li wħud minnhom jinsabu proprju fid-dokument. Nemmnu li f’pajjiżna jeħtieġ infurzar u aktar spezzjonijiet. Mhuwiex denju li ħaddiem tużah u tarmih skont l-esiġenzi tiegħek.. Għalhekk ninsistu fuq il-ħtieġa ta’ sħubija awtomatika fi trejdunjin,” qal Josef Bugeja.

Id-Deputat Segretarju Kevin Camilli saħaq li hekk kif l-ekonomija Maltija kibret u issa qed inħarsu aktar lejn karrieri minflok xogħol, irridu nieħdu l-opportunitajiet ta’ wħud mill-ħaddiema barranin li jiġu f’pajjiżna b’ċertifikati rikonoxxuti f’pajjiżhom, li permezz ta’ korsijiet żgħar skont il-ħtieġa filwaqt li jkunu qegħdin jaħdmu hawn Malta, ikunu jistgħu jaħdmu fuq dak li jkunu studjaw u stinkaw għalih, filwaqt li jkunu ta’ investiment għal pajjiżna.

Is-Segretarju tat-Taqsima Kevin Abela qal li “hija ħasra li f’pajjiżna hawn din in-narrattiva kontra l-ħaddiema barranin. Irridu nifhmu li għandna bżonnhom kemm għal low skilled works kif ukoll ogħla minn hekk jekk irridu nżommu din l-istil ta’ ħajja.”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Fabio Muscat qal li huwa ta’ pjaċir li din l-assoċjazzjoni ġiet stabbilita u mnedija uffiċjalment biex tirrappreżenta lill-kumpaniji interessati li jagħmlu parti mill-industrija tal-outsourcing u t-temping – industrija li għandha rwol vitali fl-ekonomija Maltija.

“Permezz ta’ din l-assoċjazzjoni qed nieħdu ħsieb li nirregolaw aktar dan is-settur, niddiskutu u nagħtu l-kontribut tagħna flimkien ma’ trejd unjins bħalkom u awtoritajiet oħrajn biex flimkien naħdmu għal bidla pożittiva,” qal Muscat.

Rigward id-dokument li għadu kif inħareġ huwa qal li bħala assoċjazzjoni jinsabu kuntenti bit-tnedija ta’ din il-politika tax-xogħol, madankollu huma ma jaqblux ma’ wħud mill-proposti mniżżla, proposti li ddiskutew flimkien mal-GWU.

“Nemmnu li permezz ta’ dan id-dokument se jkollna aktar kwalità fuq il-kwantità. Meta wieħed qed jinforza u qed jinvesti fi training, fid-dixxiplina u jimxi mar-regolamenti dan awtomatikament se jwassal għall-kwalità,” żied jgħid Fabio Muscat.

Issemmiet ukoll l-introduzzjoni tal-leġislazzjoni biex il-ħaddiema tal-kuntrattur li  jagħmlu l-istess xogħol bħall-ħaddiema li jaħdmu b’mod dirett ma’ min iħaddem, jitħallsu l-istess paga. Tema li flimkien qablu li jeħtieġ li jiddiskutu flimkien aktar fil-profond.

Iż-żewġ naħat qablu li permezz ta’ kollaborazzjoni bejniethom se jaħdmu għal aktar edukazzjoni meħtieġa, jiddiskutu l-proposti u l-veduti taż-żewġ naħat, dan kollu għall-aħjar riżultati għal aktar dixxiplina u regoli f’din l-industrija li huma meħtieġa fil-pajjiż, għal pajjiż ta’ kwalità.

Għal din il-laqgħa flimkien mal-President tal-Assoċjazzjoni attendew Charlotte Sant Portanier – Viċi President, Karl Schranz – Segretarju Ġenerali, Claudine Ellul Sullivan – Teżorier u Daniel Coppini , Timothy Zammit, Sasha Cachia, Edward Chetcuti u Dorian Tanti bħala membri tal-Kunsill.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport