Monday, July 14, 2025

‘Permezz ta’ sforz kbir tat-tim irnexxielna noħorġu rebbieħa … kien ħaqqna’ – Brandon Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-beach soccer?

L-imħabba tiegħi lejn il-beach soccer kienet naqra sorpriża anke għalija. Kien hemm ħabib tiegħi li kien qed jinżel jilgħab il-beach soccer u saqsieni irridx nibda esperjenza ġdida fil-beach soccer, u jien minnufih ħtaft l-opportunitá. Mill-ewwel indunajt li l-beach soccer hu ferm differenti mill-futbol imma huwa sport li mingħajr ma trid tinġibed lejh. Ma kinitx xi ħaġa faċli għax tħossok qed titgħallem sport ġdid kompletament. Huwa sport li anke l-atmosfera hija sabiħa ħafna.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-Kampjonat minn Sliema Beach Soccer, fil-jiem li għaddew, fejn fil-finali għelibtu l-isfida ta’ Hamrun SC Beach Soccer bl-iskor strett ta’ 7-6?

It-turnew innifsu kien wieħed tassew iebes! It-timijiet kollha matul it-turnew tawna logħba tajba! Kif jgħidu, kull logħba għandha storja warajha! Ġejna fit-tieni post biex inkomplu l-vjaġġ tagħna! Lgħbna kontra La Playa fis-semi-finali, li fl-istadju tal-gruppi rbaħna waħda u tlifna waħda! Konna nafu li se tkun diffiċli imma mhux impossibbli. Kien konfront viċin imma rnexxielna nirbħu 5-4 kontra La Playa li wasslitna sal-finali. Għal darb’oħra ltqajna ma’ Hamrun, li s-sena l-oħra, rebħu t-turnew! Fl-istadju tal-gruppi wkoll tlifna waħda u rbaħna waħda kontrihom! Tassew għandhom tim b’saħħtu! Imma fl-aħħar irnexxielna nġibu r-rebħa fil-finali bl-iskor ta’ 7-6! Sofrejna ftit speċjalment fl-aħħar perjodu, nippruvaw nisforzaw draw jew rebħa, imma permezz ta’ sforz kbir tat-tim irnexxielna noħorġu rebbieħa! Naturalment aħna kuntenti li rnexxielna nirbħu t-Tazza għax kien ħaqqna!

Agħtina iktar dettalji rigward l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim tal-beach soccer ta’ Sliema.

It-tim ta’ Sliema huwa pjuttost ġdid għax is-sena l-oħra, inħolqot din l-iskwadra. Esperjenza sabiħa wkoll għax kien hemm plejers fl-iskwadra tagħna stess li huma ta’ nazzjonalitá mhux Maltija. Dawn il-plejers għandhom esperjenza vasta u minnhom titgħallem ħafna.

U dik mat-tim nazzjonali Malti tal-beach soccer.

Li tirrapreżenta lil pajjiżek huwa għan u ħolma li tixtieq tagħmel f’ħajtek. Bil-beach soccer rajt din il-ħolma ssir realtá. B’hekk din il-ħaġa ħa nibqa’ ngħożżha dejjem għal ħajti kollha. Qed nittama li din is-sena jkollna iktar riżultati pożittivi.

Kif tiddeskrivi l-livell tal-beach soccer f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-beach soccer f’pajjiżna huwa pjuttost wieħed tajjeb għal pajjiżna. Għadu pjuttost sport ġdid li għadna qed nitgħallmu. Imma meta tara minn fejn bdejna, vera għamilna passi kbar. Kif jgħidu mil-esperjenzi titgħallem dejjem!

U dak tar-riżorsi fejn tilagħbu l-logħob tagħkom, jiġifieri fil-Bajja s-Sabiħa f’Birzebbugia?

Minħabba li huwa logħob li għadu pjuttost ġdid kif diġá għidt, ir-riżorsi huma tajbin imma meta tmur barra minn xtutna, tara d-differenza speċjalment il-fond tar-ramel.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-beach soccer?

Il-futur tiegħi fil-beach soccer qed nittama li jkun wieħed pożittiv u jekk nibqgħu naħdmu u nitgħallmu flimkien ikollna riżultati pożittivi u kif nixtiequ. Nittama li jien min-naħa tiegħi nibqa’ naħdem u nagħmel minn kollox biex inkompli nitjieb f’dan l-isport ħalli dejjem nagħti l-mija fil-mija tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-beach soccer.

Il-messaġġ tiegħi huwa li min jixtieq jesperjenza sport ġdid u huwa lest li jikkommetti u lest li jitgħallem, dan hu l-isport għalihom. Apparti minn hekk, tagħmel titjib tattikament u fiżikament. Jien nirrakkomanda ħafna dan l-isport għax tieħu pjaċir tilgħabu!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport