Tuesday, July 1, 2025

‘Personalment din l-esperjenza ma’ Marsaxlokk FC żgur se tkun qed tkompli tkabbarni f’dak li nħobb nagħmel’ – Darren Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta’ etá żgħira, bħal ħafna tfal kont nilgħab il-futbol l-iskola u ma’ sħabi fit-toroq. Ta’ xi għaxar snin kont nattendi ċ-Ċentru Sportiv tal-Marsa tal-Ingliżi, fejn hemm kien ikollna sessjonijiet ta’ taħriġ regolari. Meta kbirt aktar, kont ingħaqadt ma’ nursery u minn hemm komplejt nitħarreġ il-logħba li tant inħobb.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala parti mill-coaching staff fl-istaff tekniku ta’ Marsaxlokk FC fejn se terġa’ taħdem mill-qrib mal-kowċ Enzo Potenza, wara li diġá kont ħdimt miegħu ma’ Floriana FC?

Personalment din l-esperjenza ma’ Marsaxlokk FC żgur li se tkun qed tkompli tkabbarni f’dak li nħobb nagħmel u għalhekk se tkun waħda importanti ħafna għalija, fejn b’entużjażmu kbir se nkun qed noffri dak kollu li naf. Dan għaliex il-klabb ta’ Marsaxlokk huwa klabb ambizzjuz u t-tragwardi huma kbar. Huwa klabb li qed jaħdem bi professjonalitá kbira, immexxi minn nies u president li għandhom dan il- klabb tant għal qalbhom.

Meta tiġi opportunitá biex terġa’ taħdem ma’ kowċ li diġá taf kif jaħdem u x’jista joffri lit-tim, huwa diġá ta’ vantaġġ għalija. Mill-kowċ Enzo Potenza tgħallimt ħafna u flimkien gawdejna mumenti sbieħ fejn irnexxielna naslu għal tragwardi li ħdimna ħafna għalihom. B’hekk ninsab ħerqan ħafna biex nibdew naħdmu flimkien mal- kumplament tal-istaff u l-plejers.

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-coaching staff ta’ Floriana FC u Hibernians FC.

Matul is-snin li għaddew, kelli l-privileġġ li naħdem ma’ żewġ klabbs ewlenin fil-futbol Malti, Floriana FC u Hibernians FC. Ma’ Floriana, għal erba’ snin ħdimt bħala assistant coach mal-ewwel tim, esperjenza li kienet kruċjali għall-iżvilupp tiegħi hekk kif ħdimt ma’ plejers u kowċis ta’ livell għoli. Ir-rebħ tal-Kampjonat u l-FA Trophy matul dawk iż-żminijiet għamlu l-esperjenza aktar sodisfaċenti.

Aktar riċentement, ħdimt bħala l-kowċ tal-U21 ta’ Hibernians, fejn iffukajt fuq l-iżvilupp ta’ plejers żgħażagħ talentużi biex jgħaddu mil-livell taż-żgħażagħ għal dak tal-ewwel tim. Il- filosofija ta’ Hibernians li jiżviluppaw plejers mill-akkademja tagħhom stess hija waħda li tikkorrispondi ħafna mal-valuri tiegħi bħala kowċ.

F’dawn it-13-il sena t’ esperjenza fil-kowċing, ħdimt ma’ diversi gruppi u etajiet, fejn bdejt mill-grassroots u bqajt tiela’ sal-kbar. L-akbar sodisfazzjon huwa meta tara plejers li kont parti mill-proċess tat-tagħlim tagħhom u issa qed jagħmlu parti minn timijiet tal-kbar.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-prezent?

Nemmen li f’ dawn l-aħħar snin, il-livell tal-futbol Malti dejjem għamel passi ‘l  quddiem. Il-klabbs saru aktar professjonal u l-investimenti fit-timijiet kibru wkoll. Minħabba dawn il-fatturi, it-tragwardi ambizzjużi tal-klabbs awtomatikament żdiedu, biex b’hekk qed iwasslu għal tkabbir fil-livell tal-logħba lokali.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fejn jidħlu riżorsi, kull sena jsir miljorament. Fiċ-ċokon ta’ din il-gzira mhux faċli li kull tim ikollu l-grawnd tieghu fejn jitħarreġ. Allura dawn il-problemi jagħmluha aktar diffiċli biex kull tim jipprepara kif suppost.

Peró, il-fatt li l-maġġoranza tal-kampjonat jintlagħab fuq il-ħaxix hija xi ħaġa pożittiva u tgħin biex jogħla aktar il-livell, mhux biss fuq il-pitch imma wkoll mil-lat ġenerali.

Fejn jidħol il-logħob taż-żgħażagħ irid isir tibdil kbir. Irid ikollna grawnds xierqa, li dawn iż-żgħażagħ jieħdu pjaċir jilagħbu fihom, ħalli jibqgħu motivati u jkomplu jitħarrġu din il-logħba li tant iħobbu, b’serjetá.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi liż-żgħażagħ huwa wieħed sempliċi. Huwa importanti li dejjem jagħmlu dak li vera jħobbu u jagħmluh mill-qalb, mingħajr ebda pressjoni tal-ġenituri. Kull ħaġa li nagħmlu fil-ħajja, fiha proċess u allura rridu nkunu paċenzjużi u nkomplu naħdmu għat-tarġa li jkun imiss. Qatt m’għandna nċedu meta l-affarijiet ma jiġux kif nixtiequ, għaliex dejjem hemm opportunitá oħra!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport