llbieraħ waranofsinhar u kmieni dalgħodu, il-Pulizija mis-sezzjoni tal-Environment Protection Unit (EPU) u uffiċjali tal-Infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) wettqu spezzjonijiet sabiex ikun żgurat li marki li saru b’żebgħa ħamra f’diversi żoni protetti madwar Malta jitneħħew mill-persuna responsabbli.
Dawn il-marki saru minn persuni sabiex jindikaw direzzjoni għal tiġrijiet li kienu qed isiru minn aġenzija barranija. Il-persuna responsabbli kien ordnat jneħħi dawn il-marki b’mod li jirrispetta l-ambjent u ma ssirx aktar ħsara.
Waqt dawn l-ispezzjonijiet f’żoni protetti, inkluż il-Park tal-Majjistral, ġie nnutat li l-mod kif din iż-żebgħa kienet qed titneħħa ma kienx il-mod li kien ġie miftiehem u approvat aktar kmieni lbieraħ mill-uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
B’rabta ma’ dawn l-iżviluppi l-persuna responsabbli ser titressaq l-Qorti mill-Pulizija flimkien mal-ERA fil-jiem li ġejjin.