Raġel, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ madwar żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni fiż-Żejtun. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30 a.m. fi Triq San Klement, iż-Żejtun.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lil vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa fejn aktar tard irriżulta li kien jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata.