Persuna tilfet ħajjitha u oħra sfat midruba fl-attakk li seħħ minn żewġ missili fil-belt ta’ Zaporizhzhia, l-Ukrajna. Dan kien ikkonfermat mill-awtoritajiet tal-lokal.
Din il-belt — li hija ċentru industrijali vitali — serviet bħala żona ta’ waqfa temporanja għal bosta Ukreni li ġew evakwati minn Mariupol bil-għan li jsibu ħajja aħjar f’żoni Ukreni oħrajn.
Iktar kmieni llum, il-kumpanija tal-enerġija nukleari Ukrena, Energoatom, irrappurtat li ntlemħu żewġ missili għaddejjin fl-ajru minn fuq l-impjant tal-enerġija nukleari tagħha f’Zaporizhzhia. Dan l-impjant — li huwa stmat bħala l-ikbar żona tal-enerġija nukleari fl-Ewropa, waqa’ taħt il-kontroll tar-Russi fil-bidu ta’ Marzu li għadda.
S’issa għadu mhux ikkonfermat jekk dawn l-istess missili humiex responsabbli għall-attakki li seħħew f’Zaporizhzhia.
Fi stqarrija li għamlet Energoatom, hija ddeskriviet l-imġiba tar-Russi f’dan l-attakk bħala “Riskju li terġa’ tirrepeti ruħha katastrofi nukleari, propju f’jum is-36 sena minn meta seħħet it-traġedja ta’ Chernobyl”.