Saturday, November 23, 2024

Persuna transgender tisħaq li f’Malta saru passi ta’ ġgant

Aqra wkoll

Tgħid li l-liġi li għamlet it-terapija ta’ konverżjoni illegali f’Malta kellha sinifikat partikolari

Miktub Minn Maria Azzopardi

Għall-ħames sena konsekuttiva Malta żammet l-ewwel post fl-indiċi ILGA-Europe. Dan l-indiċi janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa. B’hekk Malta hija kkunsidrata bħala l-ewwel fl-Ewropa fid-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ b’total ta’ 89 punt, dan meta fl-2013 Malta kienet qed tikklassifika fit-18-il post.

B’reazzjoni għal dan u fl-isfond li fis-17 ta’ Mejju jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija (IDAHOTB) Dan is-sit tkellem ma’ Cristina Bellizzi, li hija persuna transgender. Cristina qalet li ma tinsabx sorpriża b’dan ir-riżultat tassew pożittiv speċjalment meta wieħed jara s-serje ta’ riformi leġiżlattivi li wasslu għall-ugwaljanza quddiem il-liġi bejn il-membri tal-komunità LGBTIQ u l-bqija tas-soċjetà f’sens wiesgħa ħafna. Cristina qalet li saru passi ta’ ġgant f’dan ir-rigward, fejn wara d-dekriminalizzazzjoni ta’ attivitajiet omosesswali fis-snin 70, kien imiss li jiddaħlu libertajiet bħall-unjoni ċivili, iż-żwieġ u l-adozzjoni tat-tfal għall-persuni LGBTIQ biex hekk dawn bdew jiġu ttrattati bħala ċittadini oħra ta’ dan il-pajjiż.

Apparti minn dawn fl-aħħar seba’ snin Malta għamlet avvanzi kbar fil-qasam tal-libertajiet ċivili fejn ġew introdotti numru sostanzjali ta’ liġijiet fosthom il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess; il-liġi dwar il-koabitazzjoni; u policies għal persuni trans u intersess fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordinu għal studenti trans u interess fl-iskejjel.

“Jiena nħoss li l-liġi li għamlet it-terapija ta’ konverżjoni illegali, lura fl-2016, kellha sinifikat partikolari li għamlet lil Malta biex tikklassifika l-ewwel fl-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam. Dan għaliex ipprovdiet salvagwardja legali kontra kull attentat minn kull awtorità morali li tgħaddi membri tal-komunità LGBTIQ minn torturi mentali u psikoloġiċi li mhux biss huma inutli imma wkoll ta’ ħsara,” qalet Cristina.

Hija żiedet tgħid li bħala persuna transgender, u li għaddiet minn proċessi kirurġiċi li wasluha biex l-aspett fiżiku jikkorrispondi mal-ġeneru tagħha, tista’ tgħid li dan huwa proċess li jitfa’ piż finanzjarju sostanzjali fuq il-persuni kkonċernati.

“Għaldaqstant hija xewqa tiegħi li nara li l-Gvern jibda joffri sostenn f’dan is-sens biex il-pożizzjoni ekonomika tal-persuna ma tkunx ta’ xkiel biex il-proċess ta’ tranżizzjoni fiżika minn ġeneru għall-ieħor ikun komplut,” temmet tgħid Cristina.

Intant, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u Riformi Rosianne Cutajar irrimarkaw li l-impenn tal-gvern fit-tisħiħ ta’ aktar libertajiet ċivili, u tal-ugwaljanza għaliex fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll umani ndaqs. Saħqu li dan hu settur li fih, minkejja li għamilna ħafna, għad fadal xi jsir, u b’hekk huma kommessi li jibqgħu għaddejjin bix-xogħol mingħajr waqfien biex itejbu l-ħajja tal-minoranzi f’pajjiżna.

Sport