Matul il-jum tas-Sibt, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel fil-Marsa, wara li nstabu fil-pussess tad-droga, allegatament biex tkun ittraffikata.
L-ewwel arrest seħħ għall-ħabta 1.00am. Waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda bil-pass fl-inħawi ta’ Sqaq il-Ġerrejja, innutaw tliet irġiel li qajmu suspett lill-pulizija.
Waqt tfittxija fuq wieħed mill-irġiel – raġel ta’ 30 sena li jgħix Ħal Far – instabu 8 qratas b’sustanza suspettata kannabis sintetika.
Intant, iżjed tard għall-ħabta tad-9.00am, waqt iktar rondi mill-pulizija, twaqqfu xi persuni li dehru qed jitlajjaw fi Gnien Belvedere u li kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż.
Waqt li l-pulizija kienu qegħdin jagħmlu l-verifiki neċessarji, fuq wieħed mill-persuni – raġel ta’ 30 residenti l-Marsa – instab b’ammont ta’ flus kontanti li qajjmu aktar suspett. Għaldaqstant, minn tfittxijiet li saru fuqu, il-Pulizija sabet numru ta’ qratas b’sustanza suspettata kannabis sintetika.
Minn hemm il-Pulizija wettqet tfittxija fir-residenza tiegħu fejn instabu aktar droga suspettata kannabis u madwar €3,000 fi flus kontanti, kif ukoll oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga.
B’dawn iż-żewġ każijiet kien infurmat il-Maġistrat Dr. Philip Galea Farrugia li ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

